Lokali

L-MEPs Maltin kollha se jivvutaw favur Simon Busuttil

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil jindirizza l-Kungress tal-PPE f'Malta (Arkivji)
Muscat jgħid li l-MEPs Laburisti se jivvutaw favur in-nomina ta' Simon Busuttil, waqt li fl-istess ħin jitfa' dubju dwar is-serjetà u l-integrità tiegħu

Aġġornata bi stqarrija tal-PN

Il-Membri Parlamentari Ewropej Maltin kollha se jkunu qed jivvutaw favur Simon Busuttil, meta nhar it-Tlieta li ġej, il-Parlament Ewropew jivvota dwar in-nomina ta’ Simon Busuttil bħala membru ta’ kumitat ta’ esperti.

Simon Busuttil kien nominat mill-Parlament Ewropew biex iservi f’kumitat ta’ esperti li għandu l-irwol li jiġġudika Imħallfin qabel jiffurmaw parti mill-Qrati tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Waqt li kien qed jitkellem il-Ħadd filgħodu f’Bormla, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-MEPs Laburisti se jivvutaw favur il-ħatra ta’ Simon Busuttil, u b’hekk, dan ifisser li l-MEPs Maltin kollha se jivvutaw favur Simon Busuttil.

“Nhar it-Tlieta li ġej, il-Parlament Ewropew se jkun mitlub biex japprova jew le il-ħatra ta’ Simon Busuttil fuq dan il-bord. Jiena tlabt lill-Membri Parlamentari tal-Partit Laburista biex nhar it-Tlieta li ġejjin jivvutaw favur Simon Busuttil,” qal il-Prim Ministru

Imma waqt li l-MEPs Laburisti Maltin se jivvutaw favur Simon Busuttil, Muscat naqas milli jgħid jekk il-familja tas-Soċjalisti Ewropej hix se tivvota kollha favur Simon Busuttil. L-MEPs Laburisti huma parti mis-Soċjalisti Ewropej.

U fl-istess diskors li fih ħabbar li l-MEPs Laburisti se jivvutaw favur in-nomina ta’ Simon Busuttil, Muscat ma naqasx milli xorta waħda jitfa’ dubju dwar is-serjetà u l-integrità ta’ Simon Busuttil.

“Mhux se nidħol fil-kwistjoni dwar x’se jagħmel meta jkun hemm persuni nnominati fil-Gvern Malti,” żied jgħid Muscat, evidentament bl-iskop li jqajjem dubju dwar l-integrità ta’ Simon Busuttil.

Il-kumitat ta’ esperti li għalih kien nominat Simon Busuttil huwa kumitat importanti ħafna, tant li hu mwaqqaf bis-saħħa tat-trattati tal-Unjoni Ewropea.

Meta Joseph Muscat jinnomina nies serji, jsib l-appoġġ tal-Partit Nazzjonalista

B’referenza għad-diskors tal-Prim Ministru Joseph Muscat dalgħodu, fejn dan ikkritika lill-Oppożizzjoni dwar appoġġ f’nomini fuq livell Ewropew, il-Partit Nazzjonalista qal li meta Joseph Muscat innomina nies serji għal ħatriet fl-Ewropa dejjem sab u jibqa’ jsib l-appoġġ tal-Partit Nazzjonalista.

“Huwa meta Joseph Muscat jinnomina nies li għandhom jew li jiddefendu kumpaniji sigrieti fil-Panama li ma jistax jipretendi li jistrieħ fuq l-appoġġ tal-Parti Nazzjonalista,” tgħid l-istqarrija.

Il-Partit Nazzjonalista żied li jekk Joseph Muscat jaħseb li billi tiddefendi l-korruzzjoni tkun qed tpoġġi lil Malta l-ewwel u qabel kollox, sejjer żball.

“Isem Malta tħammeġ minn Joseph Muscat u huwa min, bħall-Partit Nazzjonalista u bħal Simon Busuttil, li jiġġieled bla heda l-korruzzjoni, li tassew ikun qed iħares l-interess nazzjonali ta’ pajjiżna,” temm jgħid il-Partit Nazzjonalista.