Sloane Stephens ipproduċiet wirja oħra brillanti biex għelbet lil Madison Keys biex rebħet l-ewwel Grand Slam fil-karriera tagħha, dak tal-Open tal-Istati Uniti. Fl-ewwel finali kollha Amerikana minn meta l-aħwa Williams lagħbu fl-2002, Stephens rebħet iż-żewġ sets 6-3, 6-0 f’logħba li b’sorpriża ddominat fl-Artur Ashe Stadium.
Stephens b’hekk saret it-tieni Champion li rebħet titlu fl-era miftuħa wara ċ-champion tal-2009 Kim Clijsters. “Inkredibbli. Kieku xi ħadd qalli meta għamilt l-operazzjoni li nirbaħ l-Open tal-Istati Uniti, kont ngħid li impossibbli. Nista’ nirtira issa. Għidt lil Madison li qatt mhu se nagħmel aħjar minn dan. L-affarijiet kellhom jingħaqdu flimkien fl-aħħar ħames, sitt ġimgħat. Irrid nirringrazzja lit-tim tiegħi għaliex fl-iktar mumenti diffiċli bqajna flimkien,” qalet l-Amerikana.
Is-sid numru 83 fid-dinja, użat il-ħiliet difensivi tagħha biex kisret is-service ta’ Keys u rebħet l-ewwel set 6-3. Is-sid numru 15 għamlet 17-il unforced errors komparati mat-tnejn ta’ Stephens. It-tennista ta’ 24 sena ddominat is-set sussegwenti biex għalqet il-logħba għal rebħa brillanti wara 11-il xahar nieqsa mill-azzjoni wara li kienet weġgħet saqajha x-xellugija. Hi ma kinitx qed timxi f’Jannar u rritornat għat-tour WTA f’Lulju li għadda.
Keys li lagħbet bil-koxxa l-leminija nfaxxata, għamlet 30 unforced errors hekk kif Stephens għamlet biss sitt żbalji fil-logħba kollha, biex għalqet il-konfront f’61 minuta. “Ovvjament ma lagħbtx l-aqwa tennis u kont diżappuntata, iżda Sloane ta’ ħabiba li hi, kienet ta’ sapport u jekk kelli nitlef ma’ xi ħadd, kuntenta li kontriha,” qalet Keys.
//= $special ?>