Futbol Sport

Tasal l-ewwel rebħa ta’ Senglea

Nicola Palmieri jolqot b'rasu lil Carl Cassar (Ritratt: Martin Agius)

Rapport: Keane Cutajar

Lija: L. Bonnici, C. Cassar, L. Muscat, D. Scerri, E. Beu, L J. Schembri (M. De Souza 65’), A. Borg, A. Bello Osagie, A. Caruana (McA. Clinch 70’), O. Sidibe, D. Leeflang (A. Galea 84’)

Senglea: T. Aquilina, J. Bondin, S. Bonnici, A. Terracciano, M. Garzia, H. Vella, G N Virano (T. Vella 58’), N. Palmieri, I. Paz, R. Caseres, I. Azzopardi

Imwissija: H. Vella 45+1’, R. Caseres 51’ (S) A. Bello Osagie 74’, D. Leeflang 78’ (L)

Skorjaw: N. Palmieri 9’, R. Caseres 10’, 69’ (S), A. Bello Osagie 21’, E. Beu 76’ (L)

Referee: Stefan Pace

Assistenti Referees: Edward Spiteri, Thomas Debono

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Rene Caseres (Senglea Ahtletic)

Tnejn mit-timijiet promossi u ġodda fil-Kampjonat Premier għal dan l-istaġun, offrew partita interessanti li offriet ħames gowls. L-ewwel tliet azzjonijiet denja sarrfu f’gowls għal Senglea u Lija rispettivament fejn assistejna għal tliet gowls f’temp ta’ kwarta.

Senglea bdew fuq l-offensiva iżda naqsu mill-prestazzjoni wara li skorjaw it-tieni gowl, b’Lija jkomplu jżidu mal-ħin. It-tieni taqsima kienet waħda bilanċjata fejn rajna penalty mogħti fuq kull naħa. Lejn l-aħħar tal-partita, Lija pruvaw iġibu l-gowl tad-draw iżda sabu lid-difensuri ta’ Senglea attenti.

Joseph Galea għamel tliet bidliet mit-telfa li Lija sofrew fl-aħħar ħarġa tagħhom fejn bdew mill-bidu Cassar, Beu u Caruana. Steve Damato għamel erba’ bidliet fosthom ir-ritorn mill-bidu ta’ Ian Azzopardi li wkoll kien il-captain tat-tim tal-Isla. Bidla oħra kienet dik ta’ Caseres mill-bidu li sarfet f’gowl għat-tim ta’ Damato. Terence Vella beda fuq il-bank u kien inkluż fil-partita għall-ahhar nofs siegħa.

Fid-disa’ minuta kien Nicola PALMIERI li rċieva ballun għoli minn nofs il-grawnd, b’ Luke Bonnici jiżbalja fil-ħarġa tiegħu biex laħaq il-ballun Palmieri li qabbeż biex tefa’ fix-xibka. Minuta biss wara, kien Rene CASERES li żmarka ruħu u minn pożizzjoni angolata għamilhom 2-0.

Ħdax-il minuta wara, waslet ir-risposta ta’ Lija b’gowl, meta kien meravilja ta’ Abubakar BELLO OSAGIE li dar ma erba’ plejers ta’ Senglea biex spiċċa qabeż lid-difiża kollha qabel ma ġie wiċċ imb wiċċ ma’ Timmy Aquilina biex bl-ikbar kalma tefa’ l-ballun fix-xibka.

Fit-28 minuta kien Beu li din id-darba qabeż lid-difensuri ta’ Senglea u meta ġie waħdu mal-gowlkiper prova jagħmel kif għamel sieħbu ftit minuti qabel iżda sab lil Timmy Aquilina pront biex salva lil sħabu milli jitilfu il-vantaġġ tal-partita.

Ftit minuti wara, Aquilina reġa kien is-salvazzjoni ta’ Senglea meta wara xutt sabiħ min barra il-kaxxa ta’ Bello Osagie, il-gowlkiper kemm kemm miss il-ballun qabel ma ħabat mal-lasta u ħareġ barra biex ċaħħad lill-attakant Niġerjan milli jiskurja it-tieni gowl personali.

Ir-referee ordna penalty meta Caseres kien imwaqqa’ fil-kaxxa fis-67 minuta iżda mill-ħdax-il metru, Palmieri ra t-tentattiv tiegħu salvat bi bravura minn Luke Bonnici li żamm lit-tim tiegħu momentarjament fil-partita. Mir-rebawnd, Caseres tefa’ barra b’lasta vojta.

Żewġ minuti wara wasal it-tielet gowl ta’ Senglea meta kien CASERES li patta għaċ-ċans li tilef qabel, wara li tefa’ fix-xibka bir-ras wara ħarġa difettuża ta’ Bonnici bid-difiża ta’ Lija tinqabad fuq sieq waħda.

Meta kien fadal 14-il minuta, Lija skorjaw it-tieni gowl tagħhom. Stefan Pace saffar għal penalty favur Lija wara li Beu kien imwaqqa’ fil-kaxxa minn Vella. Mill-penalty kien l-istess Erjon BEU li ta ċans lil Aquilina jikkometi ruħu qabel tefa’ l-ballun in-naħa l-oħra. Fil-ħin miżjud Senglea setgħu għalqu il-partita b’kumdità meta Terence Vella u Palmieri qabdu lil Lija fuq kontrattakk iżda Palmieri spara għoli.