Futbol Sport

Valletta miżmuma minn tim Naxxari mibdul

Fawl ta' Angus Bihagiar fuq Joseph Zerafa (Ritratt: Martin Agius)

Rapport: Keane Cutajar

Valletta: H. Bonello, R. Camilleri, J. Gill Cruz, S. Malano, M. Mifsud (J. Borg 62’), M. Picciolo, U. Calistus, J. Zerafa, R I. Saleh, C. Pani, N. Asceric (K. Nwoko 68’)

Naxxar: C. Nicht, S J Fenwick, R. Grech, M. Micallef, D. Bonnici, R G. Cassar, G. Nagaoka (D. Falzon 67’), D M. Bustos (J. Debono 85’), A. Buhagiar, M. Fenech, N. Ousseynou

Imwissija: J. Zerafa 33’ (V) M. Fenech 38’, A. Buhagiar 70’ (N)

Referee: Eman Grech

Assistenti Referees: Duncan Sultana, Luke Portelli

In-Nazzjon Plejer tal-logħba:  Ndoye Elhadji Ousseynou (N)

Attendenza: 953

Naxxar irnexxielhom jiksbu l-ewwel punt tal-istaġun meta żammew il-qawwa ta’ Valletta fi draw ta’ xejn b’xejn. Wirja qalbenija minn tim relattivament b’wiċċ ġdid. Valletta issa jinsabu b’seba’ punti minn tliet logħbiet iżda għadhom mingħajr telfa u migħajr ma qalgħu gowl.

L-ewwel taqsima ma tantx offriet azzjonijiet perikolużi, b’Valletta kif mistenni ikunu iktar fuq l-attakk mill-avversarji tagħhom iżda baqgħu ma fetħux l-ikor. Fit-tieni taqsima rajna iktar azzjonijiet b’Valletta jkunu l-iktar tim offensiv iżda naqsu li jinfdu d-difiza kumpatta ta’ Naxxar, difiża li impressjonat meta kumparata ma’ dik tal-logħbiet li għaddew. Ix-xorti daħkitilhom xi ftit ukoll għaliex Valletta laqtu l-lasta darbtejn.

Interessanti nsemmu li l-partitarji ta’ Naxxar daħlu għal din il-partita mingħajr ebda ħlas, fejn kollox kien imħallas mill-klabb stess, xi ħaġa li tista’ tiġi meqjusa bħala rigal sabiħ fi żmien il-festa tar-raħal tagħhom.

Din kienet l-ewwel apparenza ta’ Naxxar wara bidla radikali li huma għamlu fit-tmexxija tal-klabb. Il-kowċ il-ġdid tagħhom Stuart Watkiss għażel li jaġħmel ħames tibdiliet mill-aħħar logħba, tibdiliet li fissru debutt għal dawn il-plejers. Zoran Popovic għażel li jbiddel tliet plejers mill-aħħar rebħa li kisbu Valletta qabel il-waqfa tal-kampjonat fosthom id-debutt ta’ Matteo Picciolo.

L-ewwel azzjoni perikoluża waslet minn naħa ta’ Valletta meta Michael Mifsud sab ruħu f’pożizzjoni tajba wara tliet minuti logħob iżda spara għoli. Fid-29 minuta freeckick ta’ Malano għadda għoli.

Żewġ minuti wara, kien hemm freeckick din id-darba għal Naxxar li nkariga minnu Bustos, u mid-daqqa ta’ ras Manolito Micallef tefa’ barra. Minuta qabel tmiem l-ewwel taqsima, Michael Mifsud krossja lejn Picciolo li sab it-tentattiv tiegħu jaħbat mal-gowlkiper Naxxari bil-ballun imur f’korner.

Minuta wara l-bidu tal-ewwel taqsima kienu Naxxar li resqu viċin il-gowl meta Fenwick daħal tajjeb fil-kaxxa iżda sab lil Henry Bonello li ħareġ fuqu qabel id-debuttant ta’ Naxxar seta’ jixxutja.

Fil-55 minuta Valletta resqu viċin b’daqqa ta’ ras tajba ta’ Saleh li għaddiet ċentimentri bogħod mill-mimduda. Fil-61 minuta kien fortunat il-gowlkiper il-ġdid ta’ Naxxar, Nicht, meta l-ballun mar f’korner wara li ħarablu minn idejh, żball li faċilment setgħu pattew qares għalih it-tim Naxxari.

L-iktar azzjoni perikoluża tat-tieni taqsima waslet wara 71 minuta meta wara korner ta’ Valletta, Naxxar naqsu li jbiegħdu l-periklu bil-ballun jaqa’ għand il-kaptin Ryan Camilleri li venven xutt li ħabatlu mal-wieqfa.

Seba’ minuti mit-tmiem, Saleh ittanta xortih b’xutt kross li ġie salvat u mtajjar b’akrobazija mill-gowlkiper Naxxari. Minuta mit-tmiem, Picciolo ra t-tentattiv tiegħu salvat b’kumdità minn Nicht. Fil-ħin miżjud s-sostitut Nwoko prova ġmiel ta’ xutt li għeleb lill-gowlkiper ta’ Naxxar iżda l-ballun ħabat mal-wieqfa.

Naxxar irnexxielhom jaqbdu lil Valletta fuq kontrattakk fl-aħħar azzjoni tal-partit iżda naqsu li jkunu perikolużi anke jekk b’vantaġġ numeriku waqt dan l-attakk, hekk kif sabu lil Bonello attent biex salva.