Internazzjonali

16-il sena ilu: Brian Joseph Cachia jitlef ħajtu fl-attakk fuq it-Twin Towers

Hekk kif madwar id-dinja llum qed jitfakkar is-16-il anniversarju mill-attakki fuq it-Twin Towers, fil-11 ta’ Settembru tal-2001, dan l-avveniment ikrah fl-istorja għandha wkoll rabta ma’ pajjiżna.

Dan hekk kif fl-attakki tilef ħajtu wkoll Brian Joseph Cachia, li kellu 26 sena, iben Joe Cachia li kien emigrant minn Ħaż-Żabbar u li ħalla pajjiża fl-1944. F’dak il-ħin, Brian ma kellux ikun xogħol iżda daħal għaliex kien hemm problema fis-sistemà tal-informatika tal-kumpanija fejn kien ilu jaħdem biss għal xahar, Cantor Fitzgerald.

Ġimgħa biss qabel it-traġedja, Brian kien għadu kif tgħarras u kien qed iħares ‘il quddiem għaż-żwieġ biex jibda familja. Kien iħobb l-annimali, l-iskiing, imur għas-sajd, isegwi l-baseball, rugby u l-NBA u jikteb il-mużika.

Wara t-telfa tal-għażiż tagħhom, fil-familja ta’ Cachia waqqfu s-sit briancachia.com fejn wieħed isib numru ta’ kitbiet minn nies li kienu jafuh u li jiddeskrivuh bħala bniedem attiv u ferrieħi.

Joseph Cachia jista’ ma jkunx l-uniku vittma ta’ dixxindenza Maltija, hekk kif mal-istess kumpanija kien jaħdem ukoll Steven Genovese, iżda dettalji dwaru ftit li xejn jeżistu.

L-attakki ta’ 9/11 ħallew 2,977 vittma, u sa llum jibqgħu l-iktar attakki mdemmija fl-istorja riċenti.