Illum qed jitfakkar is-16-il anniversarju mill-attakki tal-11 ta’ Settembru 2001 – attakki li fihom kien mietu 3,000 persuna fi spazju ta’ ftit siegħat.
Minkejja li għaddew 16-il sena, kull min b’xi mod jew ieħor għex dawk il-mumenti, żgur li għadhom ċari f’moħħu x-xeni tal-ajruplani li baqgħu deħlin fit-twin towers, ix-xeni ta’ nirien, duħħan, nies miksijin bit-trab, nies feruti, nies jaqbżu mit-twin towers bit-tama li jsalvaw u ħafna aktar xeni li baqgħu stampati saħansitra sa 16-il sena wara.
Kien permezz ta’ żewġ ajruplani tat-tip Boeing 747 li terroristi mill-grupp Al-Qaeda, ftit qabel id-9am, ħin ta’ New York, ikkawżaw ħsara irreparabli fiż-żewġ skyscrapers tal-World Trade Centre. Fl-istess jum, ajruplan ieħor twaqqa’ fuq il-bini tal-Pentagon u ieħor kraxja fi triqtu lejn il-kapitali Amerikana, Washington D.C. Għaddew is-snin, imma l-pjagi ta’ dan il-jum jibqgħu jinħassu.
It-traġedja f’New York wasslet biex l-Istati Uniti, immexxija mill-President George W. Bush, iddikjarat gwerra dinjija kontra t-terroriżmu.
Fost il-vittmi, Brian Cachia huwa l-unika persuna ta’ nisel Malti li kien miet fit-twin towers 16-il sena ilu. Kien off u dakinhar biddel ix-shift, biex sfortunatament spiċċa fost il-vittmi.
Għalhekk, minkejja s-snin kollha li għaddew, l-effett ta’ din it-traġedja għadha u tibqa’ tinħass – il-11 ta’ Settembru 2001 jibqa’ imfakkar għal 102 minuti li biddlu l-belt ta’ New York, l-Istati Uniti u d-dinja tal-Punent għal dejjem.
Il-Kap tal-PN Simon Busuttil fi tweet fl-okkażjoni tas-16-il anniversarju qal li din il-ġurnata tfakkarna li l-paċi u l-liberta’ qatt m’għandhom jittieħdu bħala garanzija u li mhux se jintilfu.


