Lokali

FILMAT: Żewġ żgħażagħ jisirqu l-comics … qabel ixejru lejn il-kameras tas-sigurtà u jaħarbu

Żewġ żgħażagħ meqjusa professjonali fl-atti ta’ serq tagħhom u li nstemgħu jitkellmu bit-Taljan, inqabdu jisirqu sensiela ta’ comics minn stabbiliment tal-comics li jinstab fi Triq tal-Katidral, f’Tas-Sliema.

Is-sidien tal-istabbiliment fissru kif innutaw li kien hemm xi affarijiet nieqsa, iżda meta talbu li jfittxulhom fil-basktijiet, dawn kienu vojta. Jirriżulta li filfatt dawn il-basktijiet intużaw apposta biex jiżvijaw lis-sidien tal-istabbiliment.

Fil-filmati mill-kameras tas-sigurtà filfatt jidher li ż-żgħażagħ bdew idaħħlu l-comics fil-qalziet minflok. Wara, huma ħarġu mill-istabbiliment, iżda mhux qabel xejru lejn il-kameras tas-sigurtà f’ġest li madankollu ma jidhirx fil-filmati li kiseb Net News.

Mhux eskluż ukoll li l-istess żewġ persuni fl-aħħar ġimgħat ippruvaw jiftħu wkoll numru ta’ vetturi f’Tas-Sliema waqt li sidien ta’ stabbilimenti oħra fiż-żona kkonfermaw li l-istess żewġ persuni serqulhom oġġetti oħra. Dan jagħti x’wieħed jifhem li jew jgħixu f’pajjiżna, inkella jkunu hawn ta’ spiss.