Elezzjoni Kap PN

“Flimkien nkomplu niktbu l-istorja glorjuża tal-PN” – Adrian Delia

“Flimkien qed niktbu u se nkompli niktbu l-istorja glorjuża tal-Partit Nazzjonalista.” – kliem il-kandidat għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia.

Adrian Delia stqarr li hu kburi li l-Partit Nazzjonalista għaddej minn process uniku fl-istorja politika ta’ pajjiżna fejn Kap ta’ Partit se jintagħżel mit-tesserati b’mod mill-aktar demokratiku. Kompla li hu Fiduċjuż li nhar is-Sibt li ġej, it-tesserati u l-attivisti tal-Partit Nazzjonalista se jagħżlu biex ikomplu jgħollu l’ fuq l-isem tal-Partit tagħna wara l-weġgħa ta’ żewġ telfiet elettorali kbar.

“Grazzi għall-fiduċja sħiħa tal-Kunsill Ġenerali, b’umilta’ kbira qed nippreżenta l-viżjoni tiegħi u lest inservi lil dan il-Partit kbir b’mod ġdid billi niftħu l-bibien kollha beraħ għal dawn kollha ta’ rieda tajba u b’politika pożittiva nerġgħu nirbħu l-imħuħ u l-qlub tal-poplu li jridu biss ħajja aħjar għalihom u għal uliedna”, tenna Adrian Delia.

Stqarr li l-mod ġdid ma jfissirx li nabbandunaw il-prinċipji u l-valuri li jgħaqqduna. Anzi bil-maqlub; irridu ngħixuhom u nsaħħuhom. Il-mod ġdid huwa ’l kif nikkomunikaw man-nies, kif nilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom u iva kif se jerġgħu jirrelataw u jidentifikaw mal-Partit Nazzjonalista. Dan huwa l-mod ġdid li jridu n-Nazzjonalisti kompliet tistqarr l-istqarrija.

“Ma nistgħux nibqgħu npinġu li t-triq tas-sewwa hija dik li drajna biha. Il-messaġġ li waslilna l-poplu fl-elezzjonijiet ġenerali huwa ċar u tond. Dan ma jfissirx li se nabbandunaw id-dmir li nkunu Oppożizzjoni b’saħħtiha kontra t-tgħaffiġ galore tal-Gvern Laburista. Dan lanqas maj fisser li se nkunu fotokopja tal-Labour. Dan ma jkun qatt.”

Adrian Delia qal li l-mod ġdid ifisser mhux talli nkunu differenti mil-Labour iżda aqwa għax b’viżjoni rebbieħa se nkunu mhux biss Gvern alternattiv iżda se nuru li kapaċi nwasslu lil Malta biex verament terġa tikseb ir-reputazzjoni internazzjonali li jixraqilha.

Hu stqarr li jixtieq iserraħ ras kulħadd li l-aspirazzjoni tiegħu hija waħda, li jkun fost in-nies, tan-nies u daqs kull wieħed u waħda minnhom. Dan hu altru minn dak li qed jintqal li kull min ħadem fil-Partit Nazzjonalista fl-aħħar snin issa jrid jieqaf. Adrian Delia qal li jekk jingħata l-fiduċja, jaħdem qatigħ biex kulħadd jingħata spazju biex jaħdem fil-Partit Nazzjonalista għax il-partit ikun ta’ kulħadd.

Tenna jgħid li hu jemmen li b’dan il-mod il-Partit jerġa’ jingħaqad u jsir iktar b’saħħtu. Dan iwassalna biex inkunu Oppożizzjoni serja, kredibbli u rebbieħa fuq Gvern li ma jridnix ngġixu f’pajjiż normali. Dan huwa l-vjaġġ twil li għadna quddiemna. Jien perswaz li bl-intelliġenza tagħhom, bil-moħħ tagħkom, bir-raġuni taghkom, nhar is-Sibt li ġej it-tesserati se jqumu għall-okkażżjoni u jagħtu sinjal li b’mod ġdid fil-Partit Nazzjonalista ifisser mod ġdid għal Malta aħjar.

Fi stqarrija oħra, Adrian Delia qal li hu jiċħad kategorigament li l-Bank of Valletta għalaq il-kontijiet kollha f’ismu kif allegat illum Daphne Carunana Galizia fl-aħħar minn sensiela ta’ attakki kontra tiegħu u kontra persuni privati li qed jesprimu l-appoġġ tagħhom għalih u għal Mod Ġdid li se jaddotta l-Partit Nazzjonalista.