Il-Bank of Valletta ħabbar li se jkun qed jagħti l-appoġġ tiegħu lil Cliff Zammit Stevens, li se jorganizza d-disa’ kunċert individwali tiegħu fis-16 ta’ Settembru 2017 fi Pjazza Teatru Rjal fil-Belt Valletta.
Dan tħabbar matul żjara qasira li għamel is-Sur Charles Azzopardi, Eżekuttiv tal-PR u l-Marketing fil-Bank of Valletta, fi Pjazza Teatru Rjal, fejn Cliff jinsab għaddej bil-provi mal-Animae Gospel Choir, li se jkunu l-mistiedna speċjali tiegħu għall-kunċert ta’ din is-sena.
Charles Azzopardi qal, “Huwa ta’ sodisfazzjon kbir li naraw lil Cliff Zammit Stevens, tenur b’talent kbir, li aħna ilna nsegwu sa minn meta kien biss student u kien jieħu sehem fil-Mini-Gigs aktar minn għaxar snin ilu. Dak iż-żmien, dawn l-artisti u l-mużiċisti żgħażagħ kienu jżuru l-pjazez tal-irħula għall-għarrieda biex ikantaw xogħlijiet klassiċi.” Meta tkellem dwar il-progress li għamel Cliff, is-Sur Azzopardi qal li t-tenur żagħżugħ ħadem ħafna, b’passjoni u enerġija kbira, biex jorganizza kważi waħdu dawn il-kunċerti annwali, filwaqt li jistudja u jkanta barra minn Malta. “Cliff, li huwa wkoll skular tal-Fondazzjoni BOV Joseph Calleja, kabbar in-numru tas-segwaċi tiegħu matul dawn l-aħħar snin, permezz tad-diliġenza u l-perseveranza tiegħu. Dawn huma ħiliet li se jservuh tajjeb biex jikber fil-karriera artistika tiegħu.”
It-tenur li huwa bbażat f’Londra qed jirritorna lura Malta wara sena ferm attiva li matulha għamel kunċerti u ħa sehem f’opri madwar l-Ewropa. Id-dehriet tiegħu kienu jinkludu Le Nozze di Figaro fit-Théâtre des Champs-Élysées f’Pariġi, l-ivvjaġġar madwar ir-Renju Unit bil-produzzjoni ta’ I Capuleti e i Montecchi, u kien il-mistieden speċjali fil-kunċert tal-Presidenza ta’ Malta tal-Kunsill tal-UE li sar f’Berlin. Waqt li kien f’Malta, huwa ta’ wirjiet ukoll fl-Ambaxxata Amerikana u fil-Palazz ta’ San Anton.
“Il-mużika hija lingwa universali mingħajr ostakli. Din hija r-raġuni għaliex stedint lill-Animae Gospel Choir, ensemble vokali bbażat f’Malta u li jinkludi wħud mill-aqwa talenti li għandna fil-Gżejjer Maltin, biex jingħaqdu miegħi. Jiena ninsab onorat ħafna u ħerqan biex inkun ma’ dan il-kor bħala l-mistieden speċjali tiegħi għal din is-sena,” ikkummenta Cliff Zammit Stevens. “Għalhekk, il-kunċert ta’ din is-sena se jirrappreżenta ġeneri mużikali diversi li jitħalltu flimkien b’mod armonjuż.”
Meta tkellem dwar il-parteċipazzjoni tagħhom, Christian Borg, il-Maniġer u l-keyboardist tal-Animae Gospel Choir spjega li, “Il-Kor, li jaf il-bidu tiegħu fl-2008, bħalissa huwa magħmul minn 21 membru fit-tim ta’ kantanti tal-mużika ‘gospel’. Kif jixhed l-isem tal-Kor, il-Kor jiffoka fuq mużika ‘soul’ li hija spiritwali u tippromwovi l-pożittività. Ninsabu ħerqanin ħafna dwar xi wħud mill-biċċiet li se nkunu qed inkantaw mal-MPO. L-isfond innifsu ferm suġġestiv tat-Teatru Rjal se jikkontribwixxi wkoll għal esperjenza verament unika, fejn l-udjenza se tħossha verament parti mill-esperjenza mużikali.”
Il-biljetti għall-Kunċert ta’ din is-sena ta’ Cliff Zammit Stevens jistgħu jinxtraw minn fuq: www.ticketline.com.mt.
//= $special ?>