Lokali

Il-Gvern jibdel il-pożizzjoni dwar ir-rilokazzjoni taċ-Ċentru Miftuħ tal-Marsa

Id-deputat Nazzjonalista Herman Schiavone kiteb lill-Prim Ministru dwar din il-problema

Wara li kien diġà ddeċieda li l-immigranti taċ-Ċentru Miftuħ tal-Marsa kienu se jiġu rikolati f’Ħal Far, limiti ta’ Birżebbuġa, issa l-Gvern bidel id-deċiżjoni wara reazzjoni mill-komunità ta’ Birżebbuġa.

Fi stqarrija l-Gvern qal li hu kommess li jagħlaq iċ-ċentru miftuħ tal-Marsa kif imwiegħed fil-programm elettorali tiegħu. Fl-aħħar sigħat il-Gvern ra r-reazzjoni tan-nies ta’ Birżebbuġa li qed iħossu li se jintefa’ piż sproporzjonat fuqhom jekk l-immigranti kollha jiġu trasferiti għal Ħal Far. Għalhekk il-Gvern se jwaqqaf dan il-proċess sakemm tinstab soluzzjoni li tkun ekwa u b’hekk ma jintefax il-piż kollu fuq komunità waħda biss. Il-Gvern hu kommess li jżomm mal-manifest tiegħu filwaqt li jsib soluzzjoni ekwa, intqal fl-istqarrija tal-Gvern.

Dwar din il-kwistjoni intervjena wkoll id-deputat Nazzjonalista Herman Schiavone li kiteb email lill-Prim Ministru u qal li bħala rappreżentant tal-poplu tal-ħames distrett ħass li għandu jiktiblu rigward rapporti li dehru fil-midja fejn qed jinghad li l-Gvern għandu l-pjan li jirriloka l-open centre tal-Marsa f’ Ħal Far.
Il-poplu tal-ħames distrett partikularment ta’ Birżebbuġa huwa inkwetat ħafna dwar dan għax diġà għandu sfidi kbar quddiemu.

Hu kompla li jifhem li l-immigrazzjoni rregolari hija sfida għall-Prim Ministru u għall-Gvern u bl-ebda mod ma jrid jagħmel minn din il-materja ballun politiku biex jiskorja xi punti politiċi. Wara kollox qed nitkellmu fuq bnedmin bħalna, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li jħoss pero li l-prinċipju tal-burden sharing li tant nisħqu ma’ pajjiżi oħra għandu jkun iplimentat anke f’pajjiżna.

Ma jistax ikun li dan il-piż jintrefa’ biss minn nies tal-ħames distrett bħalma ma nħossx li għandu jintrefa’ biss min-nies tal-Marsa, sostna Schiavone, li appella lill-Prim Ministru biex jirrikunsidra din ir-rilokazzjoni. Id-deputat Nazzjonalista qal li li dispost, jagħti sehmi f’diskussjoni fl-interess tal-poplu.