Elezzjoni Kap PN

Jinġabru 1,883 vot ieħor għal total ta’ 11,000

Hekk kif issa baqa’ tliet ijiem li matulhom jistgħu jinġabru d-dokumenti tal-vot mit-tesserati biex ikunu jistgħu jivvutaw fl-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista nhar is-Sibt li ġej, sal-lum inġabru total ta’ 11,000 vot. Dan hekk kif matul il-ġurnata, inġabru 1,883 dokument tal-vot.

Dawk it-tesserati li huma intitolati biex jivvutaw f’din l-elezzjoni jistgħu jiġbru d-dokument tal-vot mid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista f’Tal-Pietà illum u l-Ħamis bejn id-9:00am u s-6:00pm, għada l-voti jistgħu jinġabru sat-8:00pm. Kull min ilu tesserat tal-Partit Nazzjonalista għal aktar minn sentejn (sakemm mhux taħt it-18-il sena u allura għal aktar minn 6 xhur) u f’mill-inqas waħda mill-aħħar ħames snin kellu s-sħubija aġġornata, għandu d-dritt li jivvota fl-elezzjoni ta’ nhar is-Sibt li ġej. Jekk dawn il-persuni ma ħallsux it-tessera tal-aħħar sentejn, huma obbligati li jagħmlu dan, sa mhux aktar tard minn nhar l-Erbgħa li ġej fis-6.00pm, biex jinħarġilhom id-dokument tal-vot. Kull min hu life member, ovjament, jikkwalifika biex jivvota fl-elezzjoni ta’ nhar is-Sibt li ġej.

Bħalissa, ż-żewġ kandidati għall-elezzjoni qed ikomplu għaddejjin bil-kampanji elettorali tagħhom, li mistennija jilħqu l-qofol tagħhom waqt id-dibattitu ta’ nhar il-Ħamis li ġej fid-9:00pm. Il-Konvenzjoni Ġenerali tiftaħ il-Ġimgħa fis-7:30pm fid-Dar Ċentrali fejn mistenni jagħmel l-aħħar diskors tiegħu bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil.

L-elezzjoni nhar is-Sibt tkun miftuħa bejn it-8:00am u d-9:00pm fuq il-Fosos tal-Floriana u l-MFCC Ta’ Qali, kif ukoll bejn it-8:00am u t-8:00pm fis-Subheadquarters tal-Partit Nazzjonalista f’Ta’ Sannat, Għawdex.
Din hi l-ewwel darba li t-tesserati qed jieħdu sehem f’dan l-aktar proċess importanti tal-Partit Nazzjonalista: l-għażla ta’ Kap. Kien Simon Busuttil li fl-2014 biddel l-istatut tal-Partit Nazzjonalista biex fetaħ dan il-proċess minn fost 900 persuna għal eluf ta’ membri tal-Partit Nazzjonalista.

Wara l-votazzjoni s-Sibt, jibda mill-ewwel il-proċess tal-għadd tal-voti fuq il-Fosos tal-Floriana. Il-media tal-Partit Nazzjonalista se tkun qed twasslilkom dan il-proċess b’mod dirett, b’aġġornamenti kontinwi u bl-aħħar żviluppi.