Il-Partit Nazzjonalista qal li jiċħad bl-aktar mod kategoriku l-allegazzjonijiet infondati fl-artiklu fuq il-faċċata ta’ quddiem tal-gazzetta ‘Illum’ bit-titlu ‘Telefonati u door-to-door kontra Delia’. Dan l-artiklu hu bbażat fuq assunzjonijiet, qlajja u dettalji li huma lil hinn mill-verità.
Fi stqarrija, il-PN qal li l-proċess tal-elezzjoni għal Kap tal-Partit Nazzjonalista, kien, għadu u se jibqa’ sal-aħħar mument proċess ġust, serju, trasparenti u li joffri l-istess ċansijiet lill-kandidati kollha bl-istess mod. Dan jgħodd kemm għall-Partit Nazzjonalista kif ukoll għall-media tiegħu, tant li l-media tal-Partit Nazzjonalista offriet l-istess spazju għall-kandidati kollha fl-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Kull membru tal-Partit Nazzjonalista hu fil-libertà li jagħżel skont il-kuxjenza tiegħu lil min jemmen li hu l-aqwa persuna – fost iż-żewġ kandidati f’dan l-istadju – biex imexxi l-Partit Nazzjonalista fis-snin li ġejjin.
L-istqarrija tkompli li anke f’dak li għandu x’jaqsam ma’ dawk eliġibbli biex jivvutaw fl-elezzjoni ta’ nhar is-Sibt li ġej, l-allegazzjonijiet tal-gazzetta Illum m’huma xejn għajr invenzjoni. Il-proċess kien spjegat sa mill-ewwel ġurnata: kull min kien tesserat tal-Partit Nazzjonalista f’mill-inqas waħda mill-aħħar ħames snin, għandu d-dritt li jivvota fl-elezzjoni ta’ nhar is-Sibt li ġej. Jekk dawn il-persuni ma ħallsux it-tessera tal-aħħar sentejn, huma obbligati li jagħmlu dan biex jinħarġilhom id-dokument tal-vot. Kull min hu life member, ovjament, jikkwalifika biex jivvota fl-elezzjoni ta’ nhar is-Sibt li ġej.
F’każijiet fejn kien hemm dubju dwar it-tessera ta’ xi individwu, l-Kummissjoni Elettorali semgħet dawn il-każijiet u ddeċidiet skont il-fatti provduti lilha.
L-istqarrija tal-PN ttemm li wara li tħabbar ir-riżultat tal-ewwel round ta’ votazzjoni fil-Kunsill Ġenerali ta’ nhar is-Sibt li għadda, l-kandidati ngħataw l-opportunità li jagħżlu huma minn fejn jindirizzaw lill-media u lill-partitarji, u ż-żewġ kandidati li għaddew għall-Konvenzjoni Ġenerali għażlu postijiet differenti minn fejn jagħmlu r-reazzjoni tagħhom.
//= $special ?>