Internazzjonali

L-Uragan Irma jaħkem l-istat ta’ Florida

Dak li tniżżel fil-kotba bħala l-akbar uragan li qatt kien reġistrata fl-Oċean Atlantiku, il-Ħadd wasal fl-Istat Amerikan ta’ Florida. Uragan li ġab miegħu riħ li beda jaqbeż l-200 kilometru fis-siegħa.
Aktar minn 6.3 miljun persuna kienu mitluba jevakwaw mill-postijiet l-aktar fil-periklu fi Florida. Dan filwaqt li mill-ewwel effetti tal-maltempata kien hemm aktar minn miljun dar mingħajr provista tal-elettriku.
Fost l-agħar postijiet milquta hemm il-gżejjer ta’ Lower Florida Keys li spiċċaw miksija bl-ilma tal-baħar.
Skont l-ewwel rapporti kien hemm tal-anqas tlett persuni li mietu minħabba l-maltemp.
Il-qalba tal-maltempata mistennija tivjaġġa tul il-kosta tal-Punent ta’ Florida u bi bliet bħal Tampa u St. Petersburg mistennija jkunu fil-qalba tal-maltempata. Iz-zona ta’ Tampa Bay fejn igħixu mat-tlett miljun persuna ilha ma tintlaqat minn uragan kbir mill-1921.
Qabel ma wasal fi Florida, l-Uragan Irma għadda mill-Karibbew fejn ikkawża l-mewt tal-anqas 30 peruna.
Sadattant fil-Golf tal-Messiku, kien hemm l-Uragan Katia li qanqal riħ ta’ mawar 100 kilometrun fis-siegħa u miss l-art fl-Istat messikan ta’ Veracruz qabel ma nbidlet f’maltempata tropikali u bil-ħsara tkun limitata.