Lokali

Malti ta’ 10 snin jaqa’ f’bir f’Ragusa … salvat minn missieru

Malti ta’ 10 snin li kien f’Ragusa għal vaganza mal-ġenituri tiegħu waqa’ f’bir mikxuf qalb il-kampanja.

Fortunatament it-tifel ġie salvat wara li missieru niżel għalih fl-inċident li seħħ f’Punta Braccetto, fil-Provinċja ta’ Ragusa. Skont rapporti fl-Italja, l-inċident seħħ il-Ħadd filgħaxija, għall-ħabta tat-20:30.

Ir-rapporti jgħidu li waqt l-inċident, it-tifel kien qed jilgħab f’żona qalb il-kampanja ftit bogħod minn stabbiliment fejn missieru kien qed jixrob aperittif.

Jirriżulta, skont Ragusah24, li f’waqt minnhom l-art ċediet bit-tifel li spiċċa jaqa’ f’ħofra f’għalqa, f’fond ta’ madwar sitt metri. Xi tfal li kienu qed jilgħabu fil-qrib semgħu lit-tifel jibku u jgħajjat tiegħu. huma talbu għall-għajnuna u kien hawn li l-missier u s-sid tal-istabbiliment ġrew għall-post biex isalvawh.

It-tifel ittieħed lejn sptar fil-qrib biex jingħata l-kuri għal xi ġrieħi li sofra kawża tal-inċident. Fortunatament jirriżulta li l-kundizzjoni tiegħu mhix waħda gravi, iżda talbu li jinżamm taħt osservazzjoni medika għal madwar sebat ijiem.

Il-ġenituri Maltin, li rritornaw lura f’pajjiżna, għamlu rapport mal-Pulizija li qed jinvestigaw u jridu jistabbilixxu jekk is-sit tal-proprjetà hux ħati ta’ negliġenza. Mill-ewwel investigazzjonijiet filfatt jidher li l-bir ma kienx siġillat b’mod sigur.

Ritratt: Quotidiano di Ragusa