#muscatgate Lokali

FIL-QORTI: Muscat ma jridx li l-media titħalla tisma’ l-kawża

Simon Busuttil jistqarr li Joseph Muscat qed juża l-proċeduri kollha biex jaħbi mill-poplu Malti

Ġiet differita d-deċiżjoni fuq it-talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil biex ikun hemm rekuża fuq l-Imħallef Antonio Mizzi sabiex ma jkunx hu l-Imħallef illi quddiemu jinstema’ l-appell dwar jekk għandhiex issir investigazzjoni kriminali dwar l-iskandlu tal-Panama Papers. Dan wara li l-Partit Nazzjonalista ressaq ilment il-Qorti, hekk kif l-Imħallef li qed imexxi l-kawża kontra Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi – hu r-raġel tal-Ewroparlamentari Laburista Marlene Mizzi.

NET News mar fil-Qorti sabiex isegwi l-kawża li ddur mal-iskandlu tal-Panama Papers – iżda bħal bqija tal-kmamar tal-aħbarijiet l-oħra, tħallejna barra mill-awla – hekk kif dan l-appell instema’ bil-bibien magħluqa.

Hekk kif ittieħdet id-deċiżjoni mill-Qorti, il-Prim Ministru Joseph Muscat flimkien ma’ Konrad Mizzi u Keith Schembri ħarġu mal-ewwel mill-awla, u ma waqfux jagħtu kumment lill-ġurnalisti li kienu qegħdin jistennew barra għal reazzjoni – b’konsegwenza li tħallew fil-għama.

Ftit wara l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, akkumpanjat mid-Deputat Jason Azzopardi – stqarr li l-kawża ġiet differita’ għal ġimgħa oħra, hekk kif Joseph Muscat għamel l-almu tiegħu sabiex iħalli lill-pubbliku fil-għama dwar dak li jintqal fl-awla, u l-ebda media ma tkun tista’ tidħol tirraporta x’qed isir fl-awla. Stqarr li dawn huma kollha movimenti sabiex jiġu jtawlu l-proċeduri tal-Qorti – u ddum ma toħroġ deċiżjoni. Jason Azzopardi minn naħa tiegħu spjega l-punti legali dwar għalfejn il-poplu għandu jkun jaf dak li qed isir fl-awla.

L-Appelli kienu tressqu mill-Prim Ministru Joseph Muscat, Keith Schembri, Konrad Mizzi u dawk involuti fl-iskandlu tal-Panama Papers, wara li l-Maġistrat Ian Farrugia iddikjara li għandha tinfetaħ investigazzjoni kriminali.

Fil-bidu tax-xahar li għadda, il-Partit Nazzjonalista kien qal li dan mhux attakk fuq l-Imħallef Mizzi jew l-indipendenza tal-ġudikatura. Anzi, bil-maqlub hija insistenza għal indipendenza sħiħa tal-ġudikatura, li bħalissa tinsab mhedda mill-Gvern Laburista li qed jaħtar politiċi prominenti Laburisti fil-bank tal-ġudikatura sabiex jikkontrolla l-unika organu tal-istat li s’issa għad m’għandux kontroll fuqu.