Elezzjoni Kap PN

Niffukaw fuq dak li jgħodd: L-anzjani u l-pensjonanti – Chris Said

“Prijorità assoluta mis-17 ta’ Settembru ‘l quddiem, bħala Kap tal-PN, se jkunu l-anzjani u l-pensjonanti. Illum għandna sitwazzjoni partikulari ħafna f’pajjiżna. Il-gvern qed jgħid li l-ekonomija sejra tajjeb. Hu minnu li sejra tajjeb f’oqsma bħal ma huma l-kostruzzjoni u l-gaming, iżda dan il-ġid mhux qed jasal għand kulħadd – speċjalment l-anzjani u l-pensjonanti” – kliem il-kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista Chris Said.

Fil-messaġġ tiegħu, Chris Said qal li kuljum jiltaqa’ ma’ pensjonanti li l-pensjoni ma sservihomx sal-aħħar tax-xahar. U dawn ma jagħmlu ebda kapriċċ. Anzjani u pensjonanti li, minħabba problemi ta’ saħħa, iridu mediċini li għax ikunu out of stock ikollhom jixtruhom, fuq pensjoni ta’ ftit aktar minn 700 ewro fix-xahar. Chris Said kompla li dan l-aħħar, sid ta’ ħanut tal-merċa kien qed jgħidlu kif għad hawn ħafna anzjani li jużaw is-sistema tal-pitazz: iħallsu l-affarijiet essenzjali ta’ kuljum bin-nifs. Imbgħad il-problema kbira tal-kirjiet fejn il-kirjiet sparaw ‘il fuq u l-aktar li qed ibatu huma dawk bi dħul baxx, bħal ma huma l-anzjani. Hemm imbgħad l-problema tas-sigurtà fl-ibliet u l-irħula tagħna, bi kriminali jagħmlu l-ħajja tal-anzjani infern u korp tal-pulizija staġnat minn fuq nett.

“Dawn huma l-issues tan-nies, dawn huma r-realtajiet tal-anzjani”, stqarr Chris Said.

Bħala Kap tal-Oppozizzjoni, Chris Said ikkommetta ruħu li joħoroġ b’inizjattivi biex:

  • Jagħti appoġġ finanzjarju lill-anzjani li jieħdu ħsieb in-neputijiet;
  • Jaraw li l-mediċini relatati mal-mard tal-anzjani jingħataw b’xejn;
  • Diversi anomaliji indirzzati – in-nisa kollha għandhom jingħataw l-opportunità li jikkontribwixxu għal pensjoni tagħhom matul ħajjithom. Sitwazzjoni oħra li għandha tiġi ndirizzata hi dik ta’ nisa miżżewġin li r-raġel tagħhom jirrifjuta li jaqsam magħhom il-pensjoni tal-irtirar;
  • M’għandha titħallas l-ebda taxxa tad-dħul fuq il-pensjoni;
  • Indiċi tajjeb tal-pensjoni li jikkonsidra l-bżonnijiet ta’ kuljum tal-anzjani u jigi mġedded kull sena.

Bħala Kap tal-PN Chris Said qal li determinat li jagħti spazju akbar lill-anzjani fil-ħidma tal-partit. Qal li jagħmlu billi jsaħħah l-APAN u jara li jkun hemm rappreżentanza b’saħħitha ta’ anzjani fl-istrutturi kollha tal-partit. L-anzjani, flimkien maż-żgħazagħ iġeddu l-partit.

“Għalhekk li lili qatt mhu se tisimawni ngħid li n-nies għandhom jiġu xkupati ‘l barra. Min qed jgħid hekk qed jagħmel dan bl-argument li jinbeda kollox mill-ġdid. Il-partit tagħna għandu bżonn jiġġedded mhux ftit, iżda l-anzjani li taw saħħithom għall-partit ma tiknishomx ‘il barra” – temm jgħid Chris Said.