It-tim Malti taż-żgħażagħ sofra t-tieni telfa fi Grupp Ċ tal-Kampjonat Ewropew tal-Juniors meta tilef bl-iskor ta’ 18-1 kontra t-tim b’saħħtu tas-Serbja. Ir-riżultat tal-logħba mhux sorpriża minħabba li dawk fiċ-ċrieki tal-Waterpolo jafu li s-Serbi huma mimlija plejers ta’ kwalità. Fiċ-ċokon tiegħu, it-tim Malti prova l-aħjar tiegħu.
F’logħbiet bħal dawn, wieħed jinduna d-differenza bejn tim Malti u forza Ewropea. Id-differenza fid-dixxiplina, teknika, intelliġenza tattika, saħħa, għawm, preċiżjoni eċċ. Dan għandu jkun ta’ stimolu għal dawk involuti mhux biss fil-Waterpolo, iżda fl-isport inġenerali biex l-isport f’Malta jingħata importanza għaliex pajjiżi barranin ma jaħfrux.
Dikjarazzjoni tal-qawwa Serba seħħet fl-ewwel sessjoni b’sitt gowls mingħajr risposta biex fetħu vantaġġ komdu ta’ 6-0 bil-gowls jaslu minn doppjetta kull wieħed ta’ Petar Smiljevic u Vukasin Ganic u gowl ta’ Andrej Barac u Marko Radovic.
L-andament tal-logħba baqa’ l-istess fit-tieni sessjoni bis-Serbja ma jċedu l-ebda pulzier u baqgħu jilagħbu l-logħba aggressiva tagħhom, bil-Maltin jippruvaw iżommu l-pussess. Aleksa Cvetkovic skorja doppjetta, bil-gowls l-oħra jaslu minn Zarko Vasin, Vukasin Ganic, Petar Smiljevic u Marko Ilic rispettivament.
It-tim Malti rnexxielu jsib għall-ewwel darba qabel il-mistrieħ meta l-kowċ Karl Izzo sejjaħ time-out wara li tkeċċa Stefan Brankovic meta kien għad fadal 17-il sekonda. Minn din l-azzjoni, kien Liam Galea li skorja mix-xellug.
Fit-tielet sessjoni, il-kowċ Serb Goran Radenovic ta aktar spazju lill-plejers oħra nkluż il-gowlkiper ta’ riserva Milan Bulajic. Huma xorta baqgħu superjuri għat-tim Malti, iżda ż-żgħażagħ Maltin tjiebu fil-logħob tagħhom fejn minkejja li ma rnexxielhomx jiskorjaw, ikkonkludew aktar lejn il-lasta avversarja filwaqt li bdew iżommu aktar il-pussess, biex tal-anqas jippruvaw inaqqsu d-danni kemm jista’ jkun.
Is-Serbi żammew l-istess ritmu tas-sessjoni preċedenti hekk kif baqgħu fil-kmand tal-logħba mingħajr wisq sforzi, bil-plejers Maltin jagħmlu l-aħjar sforz biex iżommu l-iskor baxx kemm jista’ jkun.
Serbja: P. Gavrilovic, S. Brankovic, N. Stanojevic (2), V. Ganic (3), P. Smiljevic (3), Z. Vasin (2), M. Radic (1), M. Ilic (1), A. Cvetkovic (4), K. Sulc, A. Barac (1), M. Radovic (1), M. Bulajic
Malta: T. Micallef, J. Culic, K. Erdogan, J. Sciberras, B. Cachia, T. Said, M. Ortoleva, K. Tanti, M. Tabone, N. Zammit, L. Galea (1), J. Muscat, M. Xerri
Referees: Vyacheslav Byelyevstov (Ukrajna), Peter Radic (Slovakkja)
//= $special ?>

