Ex-General Manager ta’ Pjazza Teatru Rjal ingħata l-libertà kundizzjonata wara li instab ħati ta’ miżapproprijazzjoni ta’ flus tal-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti.
Jason Masini ta’ 44 sena mill-Mosta li kien jgħallem l-MCAST kien ġe sekondat bħala manager responsabbli mill-attivitajiet fi Pjazza Teatru Rjal iżda kien sospiż sentejn wara fuq suspett ta’ miżapproprijazzjoni ta’ flus.
Fil-proċeduri rriżulta li fondi ġenerati permezz ta’ bejgħ ta’ biljetti ġenerati minn attivitajiet teatrali kienu trasferiti mill-kumpanija Ticket Line għall-kont personali tal-akkużat. L-akkużat ingħata numru tal-VAT u ta struzzjonijiet biex il-fondi tat-teatru jkunu depożitati f’kont separat, biex ikun hemm distinzjoni mill-kont tiegħu. Kienu tliet movimenti bankarji li qanqlu suspett fis-superjuri tal-akkużat.
F’Diċembru 2014 kienu depożitati €8,000 fil-kont personali tal-akkużat; liema fondi kienu pagament lill-MCCA mill-aġenzija tal-biljetti online. Dawn il-flus inġibdu dakinhar stess mill-akkużat. Kien osservat li s-somma ta’ €1,000 kienet depożitata xahar wara, waqt li t-tielet depożitu ta’ €10,373 sar f’Jannar 2015. Kien f’Ġunju 2015 li l-manager ingħata twissa biex ma jmurx iktar fi Pjazza Teatru Rjal.
L-akkużat xehed li l-flus inġbdu biex jitħallas impjegat li ma kinx tħallas għal xhur. Dan il-fatt kien konfermat minn evdienza dokumentata. Kien innotat li l-akkużat għamel żmien bla paga bħala manager ma’ Pjazza Teatru Rjal.
Il-Qorti, presduta mill-Maġistrat Josette Demicoli, qalet li mhux ġust li ħaddiema ma jitħallasx il-pagi dovuti lilu iżda l-akkużat minnu aġixxa skont il-liġi u għalhekk wettaq miżapproprijazzjoni ta’ flus meta uża l-fondi ta’ Pjazza Teatru Rjal. Il-Qorti kkunsidrat li l-fondi kienu ritornati kollha lrua qabel bdew il-proċeduri kriminali u għalhekk poġġiet lill-akkużat taħt libertà kundizzjonata għal sentejn.
//= $special ?>