Il-kandidat għal Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, f’konferenza tal-aħbarjiet li għamel fil-pjazza ta’ Buġibba qal li l-isport jista jkun s-soluzzjoni għaż-żgħażagħ tagħna biex biex dawn jitbiegħdu mid-drogi, jibqgħu attivi u ma jispiċċawx f’gangs ta’ kriminalita’ li qed jaħkmu lokalitajiet bħal San Pawl il-Baħar.
Adrian Delia spjega kif ftit jiem ilu ħabib tieghu, ċempillu biex jgħidlu li ibnu żagħżugħ, waqt li kien qiegħed fil-Pjazza ta’ Buġibba ġie aggredit minn grupp ta’ barranin mingħajr ebda provokazzjoni. Qal li dan l-incident kien ta’ xokk għalih u esprima l-bżonn li ż-żgħażagħ Maltin u anki ta’ nazzjonalitajiet oħra jipparteċipaw fl-isport.
Qal li fil-preżent Malta hija l-ewwel fl-obesita’ allura jeħtieġ li mill-iskejjel naraw li tfal jieklu u jieklu tajjeb. Żied jgħid li l-isport fl-iskejjel għandu jiżdied kemm jista jkun u jiġu żviluppati t-talenti tat-tfal skont dak li huma kapaċi fihom.
Adrian Delia qal li jeħtieġ investiment ieħor qawwi fl-isport biex żgħażagħ li huma kapaċi fi sport jkollhom fejn jimirħu. Qal li l-iskola sport li twaqqaf taħt Gvern Nazzjonalista huwa pass tajjeb ħafna li jeħtieġ inkomplu nibnu fuqu.
“Fl-istess ħin li jsir sforz u investiment biex aktar żgħażagħ jidħlu fl-isport, trid issir ġlieda kbira kontra l-korruzzjoni fl-isport.” Qal li bhalissa f’sena wahda jintefqu €70 miljun ewro fuq imħatri illegali fuq sport f’Malta, ħafna minnhom minn barra l-pajjiż, Qal li hu se jħaddan politika ta’ zero tolerance kontra il-korruzzjoni li issa qed tippenetra wkoll fil-logħob taż-żgħażagħ ta’ taħt il-21 sena.
Adrian Delia qal li bl-isport jrid jżomm liż-żgħażagħ ‘il bogħod mid-drogi u l-gangs imma fl-istess waqt jeħtieġ niġġieldu l-korruzzjoni fl-isport. Adrian Delia qal li dawk iż-żgħażagħ li ma jħobbux l-isport, jistgħu jinvolvu ruħhom fl-arti u l-kultura li lkoll għandhom l-istess għan li jgħaqqdu liż-żgħażagħ flimkien.
//= $special ?>