Internazzjonali

IL-KATALONJA: Dimostrazzjoni kbira u tamiet  fir-referendum għall-indipendenza

Il-mijiet tal-eluf ta’ Katalani li ħadu sehem fl-aħħar dimostrazzjoni kbira f’Barċellona qegħdin jittamaw li jitħalla jsir ir-referendum favur l-indipendenza tar-reġjun ta’ Katalunja mill-kumplament ta’ Spanja.

Il-vot ippjanat hu għal tliet ġimgħat oħra u l-Gvern Spanjol, għalissa, qed jirreferi għall-eżerċizzju potenzjali bħala wieħed illegali. Sadanittant, l-istħarriġ tal-opinjoni, għalissa, qed jindika li kwalunkwe vot f’referendum ta’ dan it-tip għandu jkun missielet ferm u ‘kapaċi jmur kull naħa’.

Il-Gvern fir-reġjun ta’ Katalunja li hu favur l-indipendenza għadda liġi biex jinqata’ minn Spanja f’każ li l-vot potenzjali jkun favur dan il-pass. Il-Katalani, li għandhom il-lingwa u d-drawwiet tagħhom, diġà għandhom awtonomija sinifikanti iżda jemmnu li qegħdin iħallsu wisq taxxa lill-Gvern ta’ Madrid.

Intant, iċ-ċelebrazzjoni tad-‘Diada’ – il-Jum Nazzjonali tal-Katalani – li saret nhar it-Tnejn serviet bħala promozzjoni għar-referendum favur l-indipendenza. Waqt li l-organizzaturi tad-dimostrazzjoni qalu li attendew ‘il fuq minn miljun ruħ, l-uffiċjali tal-Gvern f’Madrid tennew li l-folol kienu ‘ħafna anqas minn hekk’.