Lokali

Il-mażunerija hi kontra l-prinċipji u l-interessi tal-Partit Nazzjonalista

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija jirreferi għall-aħbar li Dr Arthur Azzopardi, tesserat tal-Partit Nazzjonalista, kien membru tal-mażunerija.

L-Artikolu 5 (b) tal-Istatut tal-Partit Nazzjonalista jipprovdi li ma jkunux iżjed ikkunsidrati tesserati fil-Partit Nazzjonalista dawk kollha li jinkitbu fi kwalunkwe partit politiku ieħor jew fi kwalunkwe moviment jew għaqda dikjarati mill-Kumitat Eżekuttiv kuntrarju għall-prinċipji u għall-interessi tal-Partit Nazzjonalista.

Fl-1991, permezz ta’ riżoluzzjoni approvata mill-Kumitat Eżekuttiv, il-Partit Nazzjonalista kien iddikkjara l-mażunerija bħala kontra l-prinċipji u l-interessi tal-Partit Nazzjonalista.

Bħala konsegwenza, kull persuna tesserata tal-Partit Nazzjonalista u li jirriżulta li kienet jew hija membru ta’ xi Loġġa Massonika (kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta) awtomatikament ma tibqax tiġi ikkunsidrata tesserata tal-Partit Nazzjonalista.

Għaldaqstant hekk sar magħruf li f’xi żmien Dr Arthur Azzopardi kien membru ta’ żewġ loġoġ massoniċi huwa ddekada minn tesserat tal-Partit Nazzjonalista u konsegwentement m’għadx għandu dritt li jivvota fl-elezzjoni għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista li se ssir nhar is-Sibt li ġej 16 ta’ Settembru 2017.

Għalhekk, is-Segretarju Ġenerali Rosette Thake tat struzzjonijiet lil Dr Joe Borg, Chairman tal-Kummissjoni Elettorali, sabiex isem Dr Arthur Azzopardi jitneħħa mil-lista ta’ persuni eleġibbli li jivvutaw fl-elezzjoni ta’ nhar is-Sibt li ġej ġaladarba huwa m’għadux tesserat tal-Partit Nazzjonalista.