Lokali

Il-Parlament Ewropew japprova n-nomina ta’ Simon Busuttil b’vot qawwi

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil jindirizza l-Kungress tal-Partit Popolari Ewropew

Aġġornata bi stqarrija tal-PN

Vot qawwi ta’ fiduċja fil-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, hekk kif dan ġie approvat b’vot qawwi fil-Parlament Ewropew bħala wieħed mill-membri ta’ kumitat ta’ esperti Ewropej.

F’vot fil-Parlament Ewropew, kienet approvata n-nomina ta’ Simon Busuttil biex dan jibda jifforma parti minn kumitat ta’ esperti li jagħti l-pariri dwar l-Imħallfin qabel dawn jibdew jiffurmaw parti mill-Qrati tal-Ġustizzja Ewropej.

Il-Parlament Ewropew approva n-nomina ta’ Simon Busuttil f’vot fil-plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu, fejn Busuttil kiseb l-appoġġ ta’ 556 MEP minn total ta’ 673. Dan ifisser 83% tal-Parlament Ewropew kollu.

Fl-ewwel kummenti tiegħu wara l-vot fil-Parlament Ewropew, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil esprima l-apprezzament tiegħu għal dan il-vot qawwi ta’ fiduċja. Huwa rringrazzja lill-Parlament Ewropew tal-fiduċja kbira li għandu fih, u qal li qed jintrabat li jwettaq dmiru f’din il-kariga b’ħiltu kollha kif dejjem għamel f’kull kariga pubblika li kellu.

Il-kumitat li se jkun qed jifforma parti minnu Simon Busuttil huwa importanti ħafna, tant li huwa mwaqqaf bis-saħħa tat-trattati tal-Unjoni Ewropea. Il-kumitat huwa kompost minn seba’ membri esperti magħżula minn fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, u jiltaqa’ madwar tmien darbiet fis-sena.

Bil-vot qawwi favur Simon Busuttil fil-Parlament Ewropew, issa, Busuttil se jkun ir-rappreżentant tal-Parlament Ewrpoew f’dan il-kumitat, wara li fl-aħħar ta’ Awwissu li għadda kien nominat mill-Kumitat tal-Affarijiet Legali tal-Parlament Ewropew. Din hija l-ewwel darba li se jkun hemm Malti f’dan il-kumitat ta’ esperti.

Intant, fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista fakkar li l-ħatra mhix waħda full-time u għalhekk, u għaldaqstant, kif diġa’ stqarr pubblikament, Simon Busuttil se jibqa’ jservi bħala membru tal-Parlament f’Malta wara li nhar is-Sibt li ġej itemm il-kariga tiegħu bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Sadanittant, peress li l-vot kien sigriet, mhux magħruf kif ivvutaw l-MEPs tal-Partit Laburista, għalkemm nhar il-Ħadd li għadda, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-MEPs Laburisti kellhom jivvutaw favur in-nomina ta’ Simon Busuttil.

Imma jirriżulta li l-MEP Laburista Alfred Sant ma ħax sehem fil-votazzjoni, u dan minkejja li kien preżenti. Dwar dan, il-Partit Nazzjonalista qal li Muscat jinganna b’kulħadd, għax fil-pubbliku jgħid mod, u minn wara l-kwinti jagħmel mod ieħor.