Internazzjonali

Imposti sanzjonijiet ġodda fuq il-Korea ta’ Fuq

In-Nazzjonijiet Uniti imponiet round ġdid ta’ sanzjonijiet fuq il-Korea ta’ Fuq bil-miżuri, fost oħrajn, ikunu intiżi biex jillimitaw l-importazzjoni taż-żejt mill-pajjiż komunista.

Is-sanzjonijiet kienu imposti b’konnessjoni mas-sitta u l-akbar prova nukleari mir-reġim ta’ Pyongyang, bil-miżura dwar iż-żejt ikollha l-għan li twaqqaf il-provvista tal-fuel li hi importanti għall-programmi nukleari tal-Korea ta’ Fuq.

L-Istati Uniti, oriġinarjament, kienet ipproponiet sanzjonijiet aktar ħorox fuq Pyongyang fejn talbet għal projbizzjoni taż-żejt totali fir-rigward tal-Korea ta’ Fuq. Intant, il-vot favur is-sanzjonijiet seta biss jgħaddi b’mod unanimu mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti wara qbil miċ-Ċina u r-Russja, li huma alleati ta’ Pyongyang, u bir-riżultat li s-sanzjonijiet mhumiex ħorox daqs dawk li kienu proposti oriġinarjament.

Madankollu, l-aħħar deċiżjoni dwar is-sanzjonijiet min-Nazzjonijiet Uniti qanqlet rabja mill-Korea ta’ Fuq fost theddid li l-Istati Uniti għandha tħallas prezz qares jekk jirnexxilha tressaq sanzjonijiet aktar ħorox fil-konfront ta’ Pyongyang.

Is-sanzjonijiet ġodda li ftehmet dwarhom in-Nazzjonijiet Uniti jinkludu projbizzjoni għall-esportazzjoni ta’ tessuti mill-Korea komunista waqt li huma projbiti wkoll il-visas ġodda għall-ħaddiema mill-Korea ta’ Fuq li qed jaħdmu barra pajjiżhom.

Madankollu il-Kunsill tan-Nazzjonijiet Uniti warrab proposta biex ikunu friżati l-assi tal-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong-un. Lanqas ma għaddiet il-proposta biex Kim Jong-un ikun ipprojbit milli jivvjaġġa barra pajjiżu.