L-abbozz magħruf bħala EU Withdrawal Bill li għandu jtemm is-supremazija tal-liġi tal-Unjoni Ewropea fir-Renju Unit għadda mill-ewwel prova fil-Parlament ta’ Londra.
Id-deputati parlamentari appoġġjaw l-abbozz bi 326 vot kontra 290, minkejja li l-kritiċi wissew li dan jirrappreżenta ‘impenn għall-ħtif ta’ aktar poter’ mill-Ministri.
L-abbozz inkwistjoni jaħseb biex ir-Renju Unit ma jibqax amministrat mir-regoli tal-UE ladarba jidħol fis-seħħ uffiċjalment il-Brexit – li jfisser li dan il-pajjiż ma jibqax jifforma parti mill-Unjoni. Intant, l-abbozz, issa, irid jgħaddi għall-fażi li jmiss fil-Parlament.
Qabel il-vot, il-Ministri għamlu l-almu biex iserrħu ras id-deputati parlamentari, fejn ikkunsidraw sejħiet għal salvagwardji dwar l-użu (mill-Ministri) tal-poteri ġodda.
Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, laqgħet b’sodisfazzjon il-vot fil-House of Commons li ttieħed fis-sigħat bikrin tallum. Hi qalet li l-abbozz joffri ‘element ta’ ċertezza u kjarezza’, iżda l-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni fisser l-abbozz bħala ‘insult għad-demokrazija parlamentari’.
Ladarba għadda mill-fażi partikulari, l-EU Withdrawal Bill – li qabel kien magħruf bħala l-Great Repeal Bill – se jiffaċċja aktar tentattivi lejn il-bidliet, fost indikazzjonijiet li xi deputati Konservattivi ressqu emendi ġodda.
Intant, l-abbozz, fost oħrajn, għandu jirtira l-Att tal-Komunitajiet Ewropew tal-1972 li permezz tiegħu, ir-Renju Unit kien issieħeb fil-grupp tal-pajjiżi li, dak iż-żmien, kien magħruf bħala l-Komunità Ekonomika Ewropea.
L-abbozz anki se jikkonverti l-liġijiet eżistenti kollha tal-UE biex jaċċerta li ma jkun hemm l-ebda problemi jew diskrepanzi fil-leġislazzjoni ladarba jasal il-Jum tal-Brexit.
//= $special ?>

