L-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur irtirat erba’ ġugarelli mis-suq lokali peress li dawn jistgħu jkunu perikolużi għat-tfal.
Fi stqarrija, l-Awtorità qalet li dawn il-ġugarelli jistgħu jinqalgħu partijiet żgħar minnhom, li faċli jinbelgħu mit-tfal. Apparti minn hekk, tlieta minn dawn l-erba’ ġugarelli għandhom ħolqa li meta tiġġebbed tista’ tkun ta’ periklu jekk tiddawwar mal-għonq tat-tfal u għalhekk jista’ jkun hemm riskju ta’ strangolazzjoni.
Il-ġugarelli irtirati jinkludu dudu tal-ħarir bl-isem ‘Puffer Caterpillar with Light’, żewġ blalen magħmula minn materjal li jiġġebbed b’ħafna ponot ħerġin minnu (wieħed tad-ditta ECLT u ieħor tad-ditta Puffer Ball), u ballun tal-foam aħdar u vjola li jbiddel il-kuluri malli tmissu.
L-Awtorità qalet li l-ġugarelli kollha indikati tista’ ssibhom f’varjetà ta’ kuluri, u li l-konsumaturi li xtraw xi wieħed minn dawn il-ġugarelli msemmija għandhom jieqfu jużawh u jirritornawh minnufih fil-ħanut minn fejn xtrawh.





