Lokali

Ix-xogħolijiet fi Triq B’Kara se jsiru bil-lejl minkejja li l-Kunsill ta’ San Ġiljan oġġezzjona

Għal darb’oħra l-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan esprima solidarjeta’ mar-residenti ta’ Triq B’Kara f’San Ġiljan u tal-inħawi. Dan hekk kif Transport Malta se terġa’ tagħmel xogħol fit-Triq matul il-lejl bejn il-15 u l-20 ta’ dan ix-xahar, minkejja li l-Kunsill oġġezzjona li x-xogħolijiet isiru matul il-lejl.

Il-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan kien anke ħareġ b’soluzzjonijiet oħra imma skont stqarrija tal-istess Kunsill, ħadd fi Transport Malta ma ta’ każ dawn l-alternattivi. Il-Kunsill qal wkoll li se jżomm responsabbli lill-Transport Malta u lill-Building Regulations Office għall-inkonvenjent għar-residenti li jinħoloq minħabba dawn ix-xogħolijiet.

Dan filwaqt li l-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan sostna wkoll li se jkompli jagħmel minn kollox biex l-awtoritajiet ikkonċernati jbiddlu d-deċiżjoni u jipproteġi l-interess tar-residenti.