Elezzjoni Kap PN Lokali

Kull min hu eliġibbli biex jivvota, inħariġlu dokument tal-vot – Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista

Il-Kummissjoni Elettorali għall-Elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista tiċħad bl-aktar mod kategoriku dak allegat f’rapport fuq il-faċċata ta’ quddiem ta’ The Malta Independent. Fi stqarrija il-Kummissjoni Elettorali qalet li Kuntrarjament għall-impressjoni li pruvat tingħata fl-artiklu, kull min hu eliġibbli biex jivvota fl-elezzjoni ta’ nhar is-Sibt li ġej, inħariġlu dokument tal-vot u dan jista’ jinġabar mid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista, Tal-Pietà.

Kif ġie spjegat ilbieraħ qabel ġie ppubblikat l-artiklu, kull min, sal-lum, hu mniżżel bħala tesserat għal għomru, hu eliġibbli biex jivvota u b’hekk inħariġlu d-dokument tal-vot. L-istqarrija tkompli li jekk, iżda, għal xi raġuni jew oħra, persuni li jkunu għamlu tessera għal għomorhom, iżda llum m’għadhomx tesserati (bħal per eżempju, jekk f’xi mument irrifjutaw li jibqgħu tesserati), dawn, awtomatikament, m’humiex eliġibbli biex jivvutaw fl-elezzjoni ta’ nhar is-Sibt li ġej.

Il-ħidma tal-Kummissjoni Elettorali bdiet f’Ġunju li għadda. Il-Kummissjoni Elettorali tfakkar li fost l-ewwel affarijiet li saru, il-Kummissjoni Elettorali bagħtet ittra lil kull min hu eliġibbli biex jivvota fl-elezzjoni tal-Konvenzjoni Ġenerali, u offriet ukoll lil kull min ma rċeviex din l-ittra u jemmen li hu/hi eliġibbli, biex j/tagħmel kuntatt mal-Kummissjoni Elettorali u j/tippreżenta l-każ tiegħu/tagħha.

L-istqarrija ttemm li l-aħħar ġranet li matulhom qed jitqassmu d-dokumenti tal-vot mid-Dar Ċentrali huma llum it-Tlieta sas-18:00, għada l-Erbgħa mid-09:00 sat-20:00, u l-Ħamis mid-09:00 sas-18:00.