L-Assoċjazzjoni Ingliża ma aċċettatx l-appell ta’ Liverpool biex titnaqqas is-sospensjoni ta’ tliet logħbiet ta’ Sadio Mane wara li l-attakkant tkeċċa fit-telfa ta’ 5-0 ta’ Liverpool kontra Manchester City.
Mane ġie muri karta ħamra diretta mir-referee Jon Moss wara li għolla siequ u laqat il-gowlkiper ta’ City Ederson f’wiċċu lejn tmiem l-ewwel taqsima, bil-Brażiljan ikollu jinbidel minn Claudio Bravo.
Liverpool appellaw it-tul tas-sospensjoni minflok il-karta l-ħamra, taħt kastiġ eċċessiv fejn qalu li tliet logħbiet hi piena ħarxa. Kummissjoni indipendenti tal-FA Ingliża kellha l-għażla li tnaqqas is-sospensjoni għal partita jew tnejn, iżda żammew mad-deċiżjoni oriġinali.
Stqarrija tal-FA Ingliża qalet; “Is-sospensjoni ta’ tliet logħbiet ta’ Sadio Mane li hi minn effett immedjat, se tibqa’ wara li t-talba ta’ kastig eċċessiv ġie miċħud wara kummissjoni regulatorja indipendent li semgħet il-każ. L-attakkant ta’ Liverpool tkeċċa għal fawl serju waqt il-logħba kontra Manchester City is-Sibt 9 ta’ Settembru 2017.”
Riżultat ta’ dan, l-internazzjonali mis-Senegal se jitlef il-logħba ta’ tmiem il-ġimgħa kontra Burnley, il-logħba kontra Leicester mil-League Cup u l-logħba l-oħra tal-kampjonat kontra l-Foxes fit-23 ta’ Settembru.
Ederson kellu bżonn madwar tmien minuti ta’ trattament wara l-inċident qabel ma ttieħed fuq stretcher, b’ritratti juri li kellu madwar tmien punti fuq in-naħa tax-xellug ta’ wiċċu.
Hu rnexxielu jirritorna fuq il-bank ta’ Manchester City fit-tieni taqsima, u lbieraħ kien qed jitħarreġ mat-tim liebes head gear biex isservi ta’ protezzjoni.
//= $special ?>