Is-sitwazzjoni preżenti tal-immigranti f’diversi lokalitajiet kienet diskussa mill-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca kellha laqgħa mal-Kunsilli Lokali tal-Marsa, tal-Ħamrun, tal-Floriana, Tal-Pietà, tal-Gżira, ta’ Raħal Ġdid u ta’ Birżebbuġa flimkien ma’ rappreżentanti tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u tal-komunitajiet tal-immigranti.
Fi stqarrija l-Uffiċċju tal-President qal li fil-laqgħa kienu diskussi t-tensjonijiet maħluqa f’dawn il-komunitajiet u t-tħassib tar-residenti li wasslu għall-organizzazzjoni ta’ protesta fil-Marsa skedata għall-Ħadd li ġej.
Min-naħa tagħhom ir-rappreżentanti tal-komunitajiet tal-immigranti qalu li huma kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni u nuqqas ta’ infurzar tal-liġijiet u appellaw lill-immigranti biex josservaw il-liġijiet Maltin.
Fil-laqgħat kienu diskussi wkoll il-problemi maħluqa minn djar ta’ livell inferjuri, kirjiet ferm ogħlja, abbuż mid-droga, diżordni mentali, sens ta’ inċertezza u min-nuqqas ta’ opportunijiet. Il-partijiet qablu li s-sitwazzjoni mhix aċċettabbli u teħtieġ intervent immedjat flimkien ma’ infurzar tal-liġijiet f’diversi lokalitajiet.
Fost is-soluzzjonijiet indikati hemm il-ħtieġa li tinżamm l-ordni fil-komunità, tinżamm il-liġi kontra d-diskriminazzjoni u l-inġustizzji fuq il-post tax-xogħol u l-introduzzjoni ta’ liġijiet li jikkontrollaw il-kirjiet tal-propjetà.
Il-partijiet qablu li jibqgħu jaħdmu flimkien bi djalogu kontinwu biex jinħolqu relazzjonijiet pożittivi. Huma esprimew sens ta’ solidarjetà u esprimew impenn li jaħdmu flimkien lejn komunitajiet iktar inklussivi li jgħixu fil-paċi f’Malta.
//= $special ?>