Elezzjoni Kap PN Lokali

L-MEP Roberta Metsola tiddikjara l-appoġġ tagħha lil Chris Said

Fi stqarrija l-kandidat għall-elezzjoni ta’ Kap tal-PN Chris Said irringrazzja lill-Membru Parlamentari Ewropew Roberta Metsola għall-appoġġ li  ddikjarat lejh.

“Segwejt lil Chis Said meta, bħala Ministru, ta saħħtu kollha u meta bħala Segretarju Ġenerali ħa d-deċiżjonijiet diffiċli. Naf xi jsarraf u x’inhuma l-prinċipji ta’ Chris Said.

Chris daħal fil-politika biex jieħu d-d-deċiżjonijiet diffiċli, mhux biex jaħrab minnhom u naf li kapaċi jieħu l-partit fejn iriduh.”

L-inqas ħaġa li għandu bżonn il-Partit Nazzjonalista hi kinsa ‘l barra ta’ kull min kien leali lejn il-partit, u leali lejn il-valuri li jirrappreżenta l-partit, u li fil-mument tal-prova kien hemm għall-partit.

Il-Partit Nazzjonalista qatt mhu se jabbanduna l-valuri tiegħu – aħna m’aħniex il-Partit Laburista. Għandna bżonn li fit-tmexxija tal-partit jkun hemm persuna li kapaċi tikkumbatti u tirbaħ fuq il-mewġ. Għalija l-għażla hi ċara.”

Dikjarazzjoni ċara favur Chris Said mill-Membru Parlamentari Ewropew Roberta Metsola fi stqarrija li tellgħet fuq il-paġna tagħha fuq Facebook.

Fi stqarrija b’risposta għal dan, filwaqt li rringrazzja lil Roberta Metsola tal-appoġġ tagħha, Chris Said saħaq li hemm bżonn li aktar minn qatt qabel ningħaqdu għal għan wieħed: dak li nsaħħu l-Partit Nazzjonalista. “Flimkien naslu. Flimkien nirbħu” sostna Chris Said.

Intant, aktar kmieni din il-ġimgħa appoġġjaw fil-miftuħ il-kandidatura ta’ Chris Said għal Kap tal-Partit Nazzjonalista, l-opinjonisti Jonathan Shaw, Michael Briguglio u David Griscti li lkoll kemm huma tkellmu dwar l-intergità ta’ Chris Said, is-sens ta’ determinazzjoni tiegħu, il-bżulija u l-viżjoni li tagħmlu ideali biex imexxi l-Partit Nazzjonalista.

F’messaġġ lit-tesserati, Chris Said irringrazzjhom tal-appoġġ tagħhom, inkluż lil dawk li kienu jappoġġjaw lil Alex Perici Calascione u li issa, qal Chris Said, ingħaqdu mal-kampanja tiegħu.

“Irrid Partit Nazzjonalista magħqud, b’saħħtu ħalli flimkien inġedduh fis-sod. Irridu nbiddlu kull fejn hemm bżonn, iżda mingħajr ma nsiru fotokopja tal-Labour”, temm jgħid Chris Said.