Lokali Qorti

Libjan jingħata l-libertà proviżorja wara akkużi li pprova juża’ arma tan-nar waqt serqa minn karozza

Ismael Habesh, Libjan ta’ 47 sena residenti l-Mosta u li jaħdem bħala ’tile layer’, ingħata l-libertà proviżorja wara li kien akkużat b’serq b’armi tan-nar minn karozza li kienet ipparkjata f’Ħal Qormi. Il-każ seħħ il-Ħadd li għadda.

Quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, il-Libjan wieġeb li mhux ħati għall-akkużi li kien qed iġorr arma tan-nar mingħajr liċenzja tal-Pulizija u li wettaq ħsarat fuq vettura privata. Kien akkużat ukoll li hedded lil sid il-karozza, bil-Prosekuzzjoni ssostni li l-imputat kiser il-paċi pubblika u l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest imposti fuqu f’każ separat.

Dan meta l-Libjan jinsab fuq libertà proviżorja qabel ma jgħaddi ġuri, akkużat bil-qtil ta’ żagħżugħ, li seħħ 12-il sena ilu fil-Marsa, kif ukoll b’akkużi relatati ma’ każi oħra ta’ serq.

Id-Difiża, immexxija mill-Avukat Franco Debono, għamlet it-talba għal-libertà proviżorja, bil-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Saviour Baldacchino u Roderick Agius joġġezzjonaw.

Iżda l-Maġistrat Stafrace Zammit laqgħet it-talba tad-Difiża, għalkemm ordnat li l-Libjan ma jistax jitlaq mill-pajjiż, filwaqt li għandu jżomm bogħod mix-xhieda u minn Ħal Qormi. Hu kien ordnat iħallas depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €9,000.