Futbol Sport

Lionel Messi jispikka fir-rebħa ta’ Barcelona fuq Juventus

Lionel Messi skorja doppjetta kontra Juventus (Ritratt: EPA)

Bidu tajjeb minn Barcelona li fl-ewwel impenn minn Grupp D ġabu fix-xejn lil Juventus b’rebħa ta’ 3-0 f’darhom. Fl-ewwel taqsima, Juventus lagħbu daqs l-avversarji, iżda wara li Lionel Messi skorja eżatt qabel tmiem l-ewwel taqsima, Barcelona ħadu r-riedni tal-logħba u Ivan Rakitic irdoppja fis-56 minuta filwaqt li Lionel Messi għamilhom tlieta fid-69 minuta.

It-tim l-ieħor Taljan Roma spiċċaw fi draw ta’ mingħajr gowls fi Stadio Olimpico kontra Atletico Madrid.

F’logħba oħra mill-istess Grupp Ċ, Bayern Munich għelbu lil Anderlecht 3-0. Robert Lewandowski fetaħ l-iskor minn penalty fil-11-il minuta, Thiago Alcantara rdoppja f’nofs it-tieni taqsima, biex Joshua Kimmich issiġila r-rebħa fid-90 minuta.

Manchester United irritornaw fiċ-Champions League b’rebħa tajba f’Old Trafford ta’ 3-0 fuq Basel. Marouane Fellaini fetaħ l-iskor fil-35 minuta, biex Romelu Lukaku rdoppja l-iskor fit-53 minuta. Marcus Rashford niżżel ukoll ismu fost l-iskorers fl-84 minuta.

Chelsea wkoll kellhom ritorn feliċi wara li ftit sabu diffikultà biex għelbu lil Qarabag 6-0 f’dak li kien debutt diffiċli għat-tim mill-Ażerbajġan. Pedro Rodriguez fetaħ l-iskor wara biss tliet minuti u David Zappacosta rdoppja man-nofs siegħa logħob. Cesar Azpilicueta għamilhom tlieta fil-55 minuta, biex fl-aħħar 20 minuta skorjat tliet gowls oħra minn Tiemoue Bakayoko, Michy Batshuayi u awto-gowl ta’ Maksim Medvedev.

PSG ukoll kellhom bidu feliċi b’rebħa ta’ 5-0 fuq Celtic. Neymar fetaħ l-iskor fid-19-il minuta biex Kylian Mbappe rdoppja fl-34 minuta u Edinson Cavani għamilhom 3-0 fl-40 minuta minn penalty. Awto-gowl ta’ Mikael Lustig fit-83 minuta kompla jkabbar id-distakk, biex Edinson Cavani skorja l-ħames gowl żewġ minuti wara.

Benfica tilfu f’darhom kontra CSKA Moscow 2-1. Huma marru minn fuq fil-50 minuta b’gowl ta’ Haris Seferovic, iżda r-Russi dawru l-iskor minn penalty ta’ Vitinho biex Timur Zhamaletdinov skorja l-gowl tar-rebħa fil-71 minuta.

Il-Portugiżi l-oħrajn Sporting rebħu 3-2 kontra Olympiacos. Seydou Doumbia u Gelson Martins taw vantaġġ doppju fl-ewwel kwarta biex Bruno Fernandes skorja t-tielet gowl qabel tmiem l-ewwel taqsima. Felipe Pardo skorja darbtejn lejn it-tmiem iżda l-Griegi ma rnexxielhomx isalvaw il-partita.

Riżultati

Grupp A – Benfica v CSKA Moscow 1-2 , Manchester United v Basel 3-0

Grupp B – Bayern Munich v Anderlecht 3-0 , Celtic v PSG 0-5

Grupp Ċ – Chelsea v Qarabag 6-0 , Roma v Atletico Madrid 0-0

Grupp D – Barcelona v Juventus 3-0 , Olympiacos v Sporting 2-3