Internazzjonali

In-Norveġja: Tieni mandat ta’ poter għall-Prim Ministru Solberg

Il-Prim Ministru Konservattiv tan-Norveġja, Erna Solberg, rebħet tieni mandat ta’ poter wara suċċess notevoli fl-elezzjoni ġenerali ta’ pajjiżha.

L-indikazzjonijiet huma li l-koalizzjoni amministrattiva li qed tmexxi Solberg u li għandha appoġġ mill-Partit tal-Progress għandha tirbaħ 90 mill-169 siġġu fil-Parlament ta’ Oslo.

Intant, il-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni jidher li żamm il-pożizzjoni bħala l-akbar entità politika unika fil-Parlament.

Il-Prim Ministru Solberg, fl-ewwel kummenti, tkellmet dwar ‘ir-rebħa ċara li jagħtiha mandat għal erba’ snin oħra ta’ poter.’ Hi kompliet li s-soluzzjonijiet tal-koalizzjoni dehru li ħadmu għall-ġid tas-soċjetà u li, fost oħrajn, kien qed jinħoloq ix-xogħol.

Il-koalizzjoni konservattiva ta’ Solberg, li qed tingħata sostenn mill-Partit tal-Progress li hu kontra l-immigranti, mexxiet kampanja fuq wiegħda ta’ qtugħ fit-taxxa bil-għan ta’ stimolu għall-iżvilupp ekonomiku.

B’hekk ukoll, Solberg saret l-ewwel kap taċ-ċentru-lemin li rebaħ tieni mandat għall-poter konsekuttiv (bħala Prim Ministru tan-Norveġja) fi 30 sena.

Fil-fatt, wieħed irid imur lura sal-1985 għall-aħħar darba li Gvern Norveġiż immexxi mill-Konservattivi rnexxielu jżomm il-poter wara elezzjoni ġenerali.

Intant, il-Partit Laburista mmexxi minn Jonas Gahr Store, din id-darba, mistenni jikseb 80 siġġu fil-Parlament wara kampanja biex jogħlew it-taxxi għall-akbar sinjuri fin-Norveġja, bil-għan li jitjiebu s-servizzi pubbliċi fil-pajjiż.