Kultura Lokali Mużika

Rabja għat-tkeċċija tal-Maestro Brian Schembri mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta

"Deċiżjoni umiljanti, inġusta, abbużiva u llegali" - il-Maestro Brian Schembri

Il-Maestro Brian Schembri tkeċċa minn Direttur Artistiku u Kunduttur Ewlieni tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, f’deċiżjoni deskritta minn Schembri stess bħala ‘inġusta, abbużiva u llegali’.

F’post fit-tul fuq Facebook, Brian Schembri qal li l-kuntratt tiegħu bħala Direttur Artistiku u Kunduttur Ewlieni ġie tterminat f’Awwissu li għadda, mingħajr ma ġie offrut għażla raġjonevoli oħra.

Brian Schembri qal li hemm konsensus ġenerali li t-titjib artistiku fl-aħħar snin tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, seħħ grazzi għall-kontribut dirett tiegħu, u għaldaqstant id-deċiżjoni tal-bord tal-Orkestra tmur għal kollox kontra dan il-konsensus.

Żied li s-suċċessi tal-aħħar xhur jitkellmu weħidhom, iżda kien saħansitra ċ-Chairman Eżekuttiv tal-Orkestra Sigmund Mifsud li ftit ġimgħat ilu faħħar lill-Maestro Brian Schembri fi tmiem kunċert ta’ suċċess f’Ruma.

Brian Schembri kiteb li d-deċiżjoni tal-bord tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta hija waħda umiljanti, bil-Maestro jżid li qatt ma ġie trattat b’dan il-mod u b’daqstant diżrispett, partikolarment minn min ħatru hu stess biex l-Orkestra setgħet tilħaq livelli li qatt ma kienu immaġinabbli qabel.

“Minkejja dan kollu, xejn ma jbiddel il-fatt li flimkien mal-mużiċisti, irnexxieli nħalli lill-Orkestra fi stat ferm aħjar minn kif sibtha”, żied jgħid Brian Schembri, waqt li esprima tama li l-“arroganza u l-inkompetenza” tal-awtoritajiet ma xxekkilx l-impenn li fil-futur l-Orkestra tkompli tiżviluppa fuq dak kollu li rnexxielha tikseb.

Ikkummenta