Crystal Palace kkonfermaw lil Roy Hodgson bħala l-manager il-ġdid tagħhom fuq kuntratt ta’ sentejn. L-ekskowċ tat-tim nazzjonali Ingliż se jieħu post Frank de Boer wara li l-Olandiż tkeċċa mill-kariga wara r-raba’ telfa konsekuttiva fil-kampjonat. Ray Lewington se jkun l-assistent ta’ Hodgson.
Il-manager ta’ 70 sena għandu x-xogħol li jgħin lit-tim jinqala’ minn qiegħ il-klassifika wara li għadhom mingħajr punt u lanqas skorjaw gowl. Hodgson kien ilu mingħajr klabb minn meta rriżenja mit-tmexxija tat-tim nazzjonali Ingliż wara li kienu eliminati mill-Iżlanda fl-Euro 2016.
Crystal Palace qalu li Hodgson se jieħu t-tmexxija tat-tim illum. Qabel ma nħatar bħala manager, Hodgson kien tkellem fil-media Ingliża u wera s-simpatija tiegħu għal Frank de Boer li għamel biss 77 ġurnata fit-tmexxija tat-tim.
“Hi opportunità tajba biex nirritorna għal din il-logħba li nħob, u fl-ogħla livell ma’ klabb li dejjem ammirajt, għoġobni u tajt is-sapport ukoll. Hi ġurnata tajba għalija, kuntent ħafna u ninsab ħerqan biex nibda naħdem u ngħin biex nitilgħu fil-klassifika,” qal l-Ingliż.
Il-manager veteran kien ilu mingħajr tmexxija ta’ klabb mill-2012 meta kien stabilixxa lil West Bromwich Albion bħala klabb stabbli fil-Premier League. Matul il-karriera, hu mexxa 16-il klabb fejn beda fl-Iżvezja meta rebaħ ħames kampjonati ma’ Malmo qabel ma kien wasal sal-finali tat-Tazza UEFA ma’ Inter fl-1997. Fl-Ingilterra hu mexxa timijiet bħal Bristol, Blackburn, Fulham u Liverpool.
//= $special ?>