It-tliet atleti Maltin Kieran Mifsud, Jessica Edge u Kyle Micallef, ikkompetew fil-kampjonati tal-Commonwealth fil-Gold Coast fl-Awstralja, fl-aħħar opportunità tagħhom biex jikkwalifikaw għal-Logħob tal-Commonwealth li se jsiru s-sena d-dieħla f’April fl-istess post.
Fil-kategorija tal-105 kilo, Kieran Mifsud kellu prestazzjoni pożittiva ħafna. Fis-snatch għamel it-tentattiv tiegħu ta’ 126 kilo u 130 rispettivament, filwaqt li falla bi ftit l-aħħar tentattiv ta’ 132 kilo. Fil-clean and jerk, Mifsud kien aktar b’saħħtu meta rnexxielu jagħmel it-tliet tentattivi ta’ 160 kilo, 166 kilo u 170 kilo.
Hu għalaq il-kompetizzjoni b’refa total ta’ 300 kilo. Minħabba l-importanza ta’ dan l-avveniment għall-klassifika tal-Commonwealth, il-kompetizzjoni kienet missielta biex diversi pajjiżi jassigurawi l-postijiet tagħhom.
Mifsud mhux biss irnexxielu jikseb pożizzjoni diċenti fil-klassifika, iżda f’dan il-kuntest irnexxielu jikseb ir-raba’ pożizzjoni fis-sezzjoni għal junior lifters fil-kategorija tal-105 kilo. Barra minn hekk, Mifsud irnexxielu jikser 16-il rekord nazzjonali, żieda ta’ 20 kilo fuq it-total ta’ qabel.
Jessica Edge (-53 kilo) ħadet sehem fl-ewwel ġurnata tal-kompetizzjoni. Edge kellha kompetizzjoni tajba fejn refgħet 57 kilo fis-snatch u 71 kilo fil-clean and jerk għal total ta’ 128 kilo u ddominat Grupp B, b’disa’ kilos oħra.
Kyle Micallef (-85 kilo) spiċċa b’total ta’ 273 kilo, wara li ma kienx fl-aqwa kompetizzjoni tiegħu. Hu rnexxielu biss jerfa’ l-piżijiet tal-bidu ta’ 121 kilo snatch u 152 kilo fil-clean and jerk. Madankollu Micallef kiser żewġ rekords nazzjonali f’din il-kategorija.
It-tliet atleti flimkien ma’ Yazmin Zammit Stevens, issa jkollhom jistennew sal-aħħar ta’ Ottubru sakemm jagħlqu l-kwalifiki kollha biex jirċievu l-konferma finali għal-Logħob tal-Commonwealth. Minħabba li Kieran Mifsud għadu fil-kategorija taż-żgħażagħ, hu se jkollu opportunità biex isaħħaħ ir-riżultat tiegħu f’Ottubru.
//= $special ?>