Il-mexxej tal-Myanmar, eks-Burma, Aung San Suu Kyi, li hi wkoll rebbieħa tal-Premju Nobel għall-Paċi, mhux se tmur għall-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li se tiftaħ fil-ġimgħat li ġejjin.
Dan fost kritika kbira lejha minħabba l-mod kif qed tmexxi l-kriżi mal-grupp etniku tar-Rohingya f’pajjiżha.
Madwar 370,000 Musulman Rohingya ħarbu mill-istat ta’ Rakhina lejn il-Bangladesh minħabba l-ġlied li hemm u fejn irħula sħaħ inqerdu mill-forzi tas-sigurtà tal-Myanmar.
In-Nazzjonijiet Uniti saħansitra akkużat lill-awtoritajiet fil-Myanmar b’tindif etniku.
Ir-Rohingya, fil-maġġoranza tagħhom huma Musulmani f’pajjiż b’maġġoranza Buddista, u ilhom snin twal fil-mira ta’ persekuzzjoni fil-Myanmar, fejn huma meqjusa bħala immigranti illegali u bi kważi ebda dritt. Infatti r-Rohingya lanqas ma jista’ jkollhom ċittadinanza tal-Myanmar.
Rebbieħa oħra tal-Premju Nobel għall-Paċi, fosthom id-Dalai Lama, l-Arċisqof Desmond Tutu u Malala Yousafzai appellaw lil Suu Kyi biex twaqqaf il-vjolenza kontra r-Rohingya, imma s’issa bla suċċess.
Aung San Suu Kyi tabbanduna l-Assemblea Ġenerali tan-NU


