Formula 1 Sport

Bottas iġedded il-kuntratt mal-Mercedes

Valtteri Bottas ingħaqad mal-Mercedes din is-sena

Valtteri Bottas iffirma kuntratt ta’ sena mal-Mercedes biex b’hekk se jibqa’ maċ-champions mondjali sa tmiem l-2018. Dan ifisser li l-aqwa tliet timijiet kollha se jibqgħu bl-istess sewwieqa s-sena li ġejja, wara li Ferrari u Red Bull ħabbru li Sebastian Vettel u Kimi Raikkonen se jibqgħu mal-Ferrari filwaqt li Daniel Ricciardo u Max Verstappen se jibqgħu mar-Red Bull, b’Lewis Hamilton konfermat mal-Mercedes.

Il-Finlandiż ħalla impressjoni tajba mal-Mercedes minn meta ħa post iċ-champion tad-dinja Nico Rosberg li kien irtira mill-isport. Hu kiseb żewġ rebħiet u spiċċa fuq il-podju seba’ darbiet.

Din l-aħbar fissret li l-koppja Bottas u Hamilton se tibqa’ għas-sena d-dieħla, iżda tħalli lil Mercedes mingħajr sewwieq konfermat għall-2019, hekk kif il-kuntratt ta’ Hamilton li ġie ffirmat fl-2015, jintemm ukoll fi tmiem l-istaġun li ġej.

Bottas ingħaqad mal-Mercedes wara erba’ staġuni mal-Williams li fihom spiċċa disa’ darbiet fuq il-podju iżda qatt ma rebaħ tiġrija jew kiseb pole position.

B’seba’ tiġrijiet għal tmiem il-kampjonat, Bottas jinsab it-tielet fil-klassifika tas-sewwieqa, 41 punt wara Hamilton u 38 punt wara Vettel.