Lokali

Il-festi tal-Indipendenza: l-ewwel attivitajiet għall-Kap il-ġdid

Il-festi tal-Indipendenza ta’ din is-sena se jkollhom sinifikat speċjali għall-Partit Nazzjonalista, hekk kif se jkunu qed isiru eżatt wara li jkun ġie elett Kap ġdid għall-Partit Nazzjonalista. Fil-fatt, filwaqt li l-elezzjoni għal Kap tal-Partit Nazzjonalista se ssir nhar is-Sibt li ġej, il-festi tal-Indipendenza fuq il-Fosos tal-Floriana jibdew nhar il-Ħadd filgħaxija.

F’kummenti ma’ NET News, Rosette Thake spjegat li l-festi tal-Indipendenza ta’ din is-sena se jkunu simili bħal tas-snin li għaddew, iżda żgur li se joffru entużjażmu differenti wara l-elezzjoni ta’ Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista.

Fil-fatt, mill-Ħadd sat-Tlieta filgħaxija, l-Kap elett se jieħu sehem f’attivitajiet politiċi fuq il-Fosos tal-Furjana li jibdew fis-7:30 ta’ filgħaxija. L-Erbgħa, imbagħad, il-Kap jagħmel id-diskors tiegħu lejliet il-festa tal-Indipendenza.

Kull filgħaxija fuq il-palk prinċipali se jkun hemm varjetà ta’ mużika u spettaklu, b’kunċerti minn bands differenti matul l-erbat ijiem tal-festi tal-Indipendenza. It-Tlieta filgħaxija, jsir il-Konkors Kanzunetta Indipendenza, li hu avveniment annwali mistenni minn bosta.

Ma’ NET News, Rosette Thake qalet “bħal snin oħra, minbarra diskussjonijiet politiċi u spettaklu mużikali, kull min se jattendi l-attivitajiet tal-Indipendenza jista’ jgawdi minn ikel u xorb mill-istands”. Hi spjegat kif din is-sena, l-ispazju tal-Fosos qed jintuża b’mod differenti, u viżwali ġodda li jagħtu xejra differenti għal dak li n-nies imdorrijin jaraw fuq il-Fosos matul il-festi tal-Indipendenza. Se jkun hemm ukoll diversi attivitajiet sportivi.