Internazzjonali

Iżrael favur stat indipendenti Kurd

Il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu qal li Iżrael kien favur li jkun hemm Stat indipendenti Kurd.
Dan hekk kif il-Kurdi fl-Iraq qed ilestu għal referendum dwar l-indipendenza, xi ħaġa li l-gvern tal-Iraq hu totalment kontriha.
Iżrael mill-bidu tas-snin sittin żamm kuntatt mal-Kurdi, li huma mifruxa mal-Iraq, l-Iran, it-Turkija u s-Sirja, u li jqis bħala tarka kontra l-avversarji Għarab.
Min-naħa l-oħra, Netanyahu qal li jqis lill-grupp Tork tal-Kurdi, il-PKK, bħala grupp terroristiku – l-istess pożizzjoni li għandhom it-Turkija, l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea.
Il-ġirien tal-Iraq, li huma l-Iran, it-Turkija u s-Sirja, huma kollha kontra dan ir-referendum għaliex jibżgħu li jitħajru l-Kurdi f’pajjiżhom.
Il-Kurdi ilhom jaspiraw għall-indipendenza minn tmiem l-Ewwel Gwerra Dinjija, meta l-potenzi kolonjali qassmu l-Lvant Nofsani bejniethom wara l-kroll tal-Imperu Ottoman.