Elezzjoni Kap PN

“Jeħtieġ li l-anzjani tagħna jibda jkollhom dħul sostenibbli” – Adrian Delia

“Jien nemmen fil-ħajja mill-koċepiment sal-mewt, iżda qal li hu importanti li tul il-ħajja l-persuni jgħixu ħajja dinjituża” – kliem il-kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt konferenza tal-aħbarijiet. Kompla li mhux b’inqas għandhom jgħixu il-ħajja b’dinjita l-anzjani tagħna u għalhekk saħaq fuq il-bżonn li l-anzjani tagħna jibqu’ attivi anke’ fl-eta’ avvanzata tagħhom.

Il-kandidat għall-Kap Nazzjonalista qal li huwa fatt magħruf li l-popolazzjoni ta’ Malta dejjem qed tixjieħ, dan filwaqt li l-għejxin tal-ħajja tal-anzjani qed tmur għal-agħar għax dawn mhux ilaħħqu jaslu sal-aħħar tax-xahar. Adrian Delia qal li għalhekk huwa importanti li l-anzjani tagħna jkollhom dħul sostenibbli li jwassalhom sal-aħħar tax-xahar u jgħixu ħajja diċenti mingħajr ma jiċċaħdu mil-affarjiet bażiċi. Qal li l-Gvern jrid jieħu l-passi neċċessarji biex jiżgura li l-anzjani jkollhom dħul sostennibli.

Adrian Delia tkellem wkoll dwar it-transizzjoni li jagħmlu l-anzjani mid-dinja tax-xogħol għall-pensjoni. Qal li din it-trasizzjoni trid issir mingħajr skossi u dan billi jiġu provduti opportunitajiet lil dawk l-anzjani li għalkemm laħqu l-eta’ tal-pensjoni jkunu jixtiequ jibqgħu jaħdmu. Qal li dawk li ma jkunux jixtiequ jkomplu jaħdmu jistgħu jiġu offruti inizjattivi oħra bħal taħriġ li diġa’ jeżisti iżda jeħtieġ jisaħħaħ.

Irridu nsaħħu ċ-ċentri ta’ matul il-jum biex l-anzjani jkunu jistu jqattgħu l-ħin tagħhom f’ambjent san.

Irridu naraw ukoll li l-anzjani tagħna jkunu jistgħu jgħixu l-ħajja tagħhom kemm jista’ ikun b’mod indipendenti. Qal li jridu naslu f’punt fejn l-pajjiż mhux biss jkollu l-ħtieġa li jżid is-sodod għall-anzjani iżda li l-anzjani jkollhom rwol fis-soċjeta’ tagħna. Adrian Delia qal li biex dan jiġi inkorraġit il-Gvern irid jipprovdi għajnuniet lil dawk li jiddeċiedu jibqgħu jgħixu ħajja indipendenti fil-komunitajiet tagħna.

Adrian Delia qal li jeħtieġ ikun hemm l-enerġija taż-żgħażagħ mħallta mal-esperjenza tal-anzjani u qal li dan jista jsir b’mod prattiku billi l-anzjani jibdew b’mod attiv u b’mod differenti jkunu involuti fl-edukazzjoni taż-żgħażagħ, fost l-oħrjan billi jaqsmu l-esperjenza tagħhom maż-żgħażagħ.

Adrian Delia qal li l-akbar riżorsa li għandha bħala pajjiż hija r-riżorsa umana u jekk nitilfu lill-anzjani tagħna u ma nużawx lil din ir-riżorsa imprezzabbli minħabba li l-anzjani mhux ikunu attivi, jkollna soċjeta’ mankanti. Qal li jeħtieġ li  mill-bankijiet tal-oppożizzjoni nagħmlu l-almu tagħna biex din ir-riżorsa tiġi użata dejjem aktar mis-soċjeta’.