Fi stqarrija, Chris Said ħabbar li d-deputat żagħżugħ Nazzjonalista elett minn fuq id-disa’ distrett elettorali Karl Gouder qed jappoġġjah f’din l-elezzjoni għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Fuq il-midja soċjali, Karl Gouder qal: “Nhar is-Sibt se nagħżlu Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista. Deċiżjoni importanti li l-impatt tagħha huwa kbir. Lil Chris Said nafu u ħdimt miegħu. Kien hemm fl-aktar mumenti difficli. Naf xi jsarraf. Jaħdem u jwettaq. Fuq kollox, għandhu l-vizjoni li l-partit tagħna u pajjiżna tant jeħtieġ. Chris jien warajk”.
L-istqarrija tkompli li l-appoġġ ta Karl Gouder lil Said jingħaqad ma’ dak ta’ Roberta Metsola li aktar kmieni din il-ġimgha qalet li l-inqas ħaġa li għandu bżonn il-Partit Nazzjonalista hi kinsa ‘l barra ta’ kull min kien leali lejn il-partit, u leali lejn il-valuri li jirrappreżenta l-partit, u li fil-mument tal-prova kien hemm għall-partit.
“Il-Partit Nazzjonalista qatt mhu se jabbanduna l-valuri tiegħu – aħna m’aħniex il-Partit Laburista. Għandna bżonn li fit-tmexxija tal-partit jkun hemm persuna li kapaċi tikkumbatti u tirbaħ fuq il-mewġ. Għalija l-għażla hi ċara. Segwejt lil Chis Said meta, bħala Ministru, ta saħħtu kollha u meta bħala Segretarju Ġenerali ħa d-deċiżjonijiet diffiċli. Naf xi jsarraf u x’inhuma l-prinċipji ta’ Chris Said. Chris daħal fil-politika biex jieħu d-d-deċiżjonijiet diffiċli, mhux biex jaħrab minnhom u naf li kapaċi jieħu l-partit fejn iriduh”, kompliet tistqarr Roberta Metsola.
Fl-istess ġimgħa taw l-appoġġ pubbliku tagħhom lil Chris Said, l-opinjonisti Michael Briguglio, Jonathan Shaw u David Griscti li lkoll ddiskrevew lil Said bħala integru, viżjonarju u kapaċi jġedded il-partit fis-sod.
F’messaġġ lit-tesserati u dawk kollha li qed jappoġġjawh, Chris Said irringrazzjhom tal-appoġġ tagħhom, inkluż lil dawk li kienu jappoġġjaw lil Alex Perici Calascione u li issa, qal Chris Said, ingħaqdu mal-kampanja tiegħu.
“Irrid Partit Nazzjonalista magħqud, b’saħħtu ħalli flimkien inġedduh fis-sod. Irridu nbiddlu kull fejn hemm bżonn, iżda mingħajr ma nsiru fotokopja tal-Labour”, qal Chris Said.
Intant, it-Tlieta filghaxija Said talab lill-Kummissjoni Elettori tal-partit tinvestiga rapporti ta’ tesserati għal għomorhom li lmentaw li ma ngħatalhomx il-vot.
Chris Said esprima wkoll l-apoġġ sħiħ tiegħu lill-ġurnalisti ta’ Medialink u lill-eżekuttiv tal-MŻPN.
//= $special ?>