Lokali

Kwistjonijiet importanti jeħtieġu soluzzjonijiet kuraġġjużi

Ritratt: Martin Agius

Iż-żgħażagħ ma jibżgħux jaffrontaw problemi importanti u jfittxu soluzzjonijiet konkreti għalihom, anke jekk mhux kulħadd huwa lest li jitkellem u jiddeċiedi fuqhom. L-aktar kwistjonijiet kritiċi għandhom jiġu affaċjati b’kuraġġ u determinazzjoni.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal dan waqt li indirizza l-Kamra f’sessjoni speċjali tal-Parlament Nazzjonali taż-Żghażagħ organizzat mill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ.

Simon Busuttil stqarr li huwa u jsegwi l-interventi kien impressjonat bil-ħidma u bil-passjoni li wrew ir-rappreżentanti zgħażagħ. Huma għarfu ipoġġu suġġetti fuq l-aġenda li, għalkemm mhux faċli, huma attwali ħafna, kompla l-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Dwar is-suġġett tas-saħħa sesswali u riproduttività, Simon Busuttil qal li jirrikonoxxi li dan iqajjem kwistjonijiet sensittivi bħall-prostituzzjoni. Huwa qal li għalih personali, kull min jemmen tassew fl-ugwaljanza u d-dritt tal-mara, għandu jkun kontra din l-agħar forma ta’ vjolenza fuq in-nisa. L-istess suġgett iqanqal diskussjoni meħtieġa wkoll dwar affarijiet oħra bħal IVF u surrogacy, u l-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-kontribut taż-żgħażagħ huwa mportanti għaliex huma jridu jkomplu jmexxu dan il-pajjiż.

Rigward Għawdex, Simon Busuttil qal li l-gżira Għawdxija m’għandhiex tibqa’ tbati minn insularità doppja, u jeħtieġ li tingħaqad aktar mal-gżira ewlenija ta’ Malta. Huwa qal li hemm l-appoġġ miż-żewġ naħat tal-Kamra u għalhekk l-awtoritajiet imisshom jaqbdu u jwettqu din il-wegħda. Simon Busuttil qal li jemmen li Għawdex għandu jkun rikonoxxut bħala reġjun għalih biex igawdi minn fondi speċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll dwar is-suġġett tal-immigrazzjoni u protezzjoni umanitarja u fakkar kif il-ġimgħa li għaddiet il-Qorti Ewropea tat raġun lill-pajjiżi bħal Malta li ilhom snin jitkellmu dwar is-solidarjetà. Simon Busuttil qal, iżda, li hemm bżonn li nħaddmu l-prinċipju tas-solidarejtà f’pajjiżna stess. Huwa qal li llum m’aħniex f’sitwazzjoni ta’ kriżi bħal ma konna meta kienu qed jidħlu dgħajsa wara dgħajsa bin-nies u għalhekk jeħtieġ li jiġi applikat il-kunċett ta’ burden sharing f’Malta stess biex isolvi d-diffikultajiet li nħolqu għall-Marsin matul is-snin.