Knisja Lokali

L-Arċisqof iżur il-pazjenti Maltin f’Londra

L-Arċisqof Charles J. Scicluna llum temm żjara pastorali f’Londra, l-Ingilterra, li matulha mexxa ċ-ċelebrazzjoni tal-festa tal-Madonna tal-Vitorja fl-okkażjoni ta’ Malta Day – UK, u żar il-pazjenti Maltin li qed jingħataw il-kura f’Londra.

Iċ-ċelebrazzjoni tal-festa tal-Vitorja saret fil-Katidral ta’ Westminster, is-Sibt 9 ta’ Settembru, bħala parti mill-attivitajiet organizzati mill-Kummissjoni Għolja ta’ Malta f’Londra b’kollaborazzjoni mal-għaqdiet tal-Maltin fir-Renju Unit.

Waqt l-omelija, l-Arċisqof ħeġġeġ biex filwaqt li niċċelebraw ir-rebħiet fuq l-assedji li għaddiet minnhom Malta, nitolbu li nirbħu wkoll dawk l-assedji li qed iħabbtu lis-soċjetà tal-lum. Mons. Arċisqof semma fost l-oħrajn il-ħtieġa li niddefendu l-valuri tal-familja u li nħarsu d-dinjità tal-bniedem, u li nibqgħu ngħaddu dan il-wirt ta’ valuri u ta’ fidi lill-ġenerazzjonijiet futuri.

Matul iż-żjara tiegħu f’Londra, l-Arċisqof żar ukoll il-pazjenti Maltin fl-isptarijiet ta’ Royal Marsden Hospital Sutton u Fulham, Great Ormond Street Hospital u National Hospital for Neurology and Neurosurgery. Fil-kappella tal-Isptar Great Ormond Street, Mons. Arċisqof iċċelebra Quddiesa li matulha talab għall-morda kollha u għammed tarbija Maltija.

L-Arċisqof żar ukoll il-Maltin fl-appartamenti ta’ Puttinu Cares.