UKRAJNA……..11
MALTA…………10
(2-1), (0-1), (2-2), (2-2), (5-4 bl-għoti tal-penalties)
It-tim nazzjonali Malti tal-Juniors tilef ir-raba’ logħba f’dan il-Kampjonat Ewropew din id-darba kontra l-Ukrajna. Logħba li kellha tiġi deċiża bil-penalties wara li l-logħba fil-ħin regolamentari spiċċat 6-6. Logħba li t-tim Malti seta’ rebaħ kieku kien attent aktar u ma tilifx il-pussess f’mumenti importanti kif ukoll kieku ħa l-okkażjonijiet li kellu minn pożizzjonijiet ideali.
L-Ukrajna ħadu vantaġġ minn bidu inċert tat-tim Malti u kisbu vantaġġ doppju permezz ta’ Orest Dzhura u Igor Kechedzhy. It-tim Malti naqqas id-distakk b’gowl sabiħ ta’ Keith Tanti u fl-aħħar tas-sessjoni setgħu ġabu d-draw iżda naqsu li jikkonkludu wara passaġġ ħażin..
Iż-żgħażagħ Maltin kienu aħjar fit-tieni sessjoni u minbarra li rnexxielhom jiskorjaw l-uniku gowl tas-sessjoni minn Nikolai Zammit, laqtu l-lasta tliet darbiet oħra. L-Ukrajna kellhom ukoll xi okkażjonijiet iżda filwaqt li kienu erratiċi, Thomas Micallef salva diversi drabi.
Wara l-mistrieħ, iż-żewġ timijiet għamlu diversi żbalji ta’ passaġġi speċjalment fil-konklużjonijiet. It-tim Malti kien darbtejn minn fuq. L-ewwel kien Ken Erdogan li skorja l-gowl tal-vantaġġ, iżda ftit wara Dzhura ġab id-draw. Nikolai Zammit għamel l-iskor 4-3 favur Malta meta skorja minn man-up b’xutt għar-rokna bi 11-il sekonda minn tmiem is-sessjoni. Iżda nuqqas ta’ attenzjoni mit-tim Malti wasslet biex l-Ukrajna ġabu d-draw eżatt mit-tmiem permezz ta’ Gusakov.
Jacob Sciberras reġa’ poġġa lit-tim Malti minn fuq, iżda reazzjoni mill-Ukrajna wasslet biex dawru l-iskor. Madankollu gowl mill-isbaħ ta’ Nikolai Zammit għamel l-iskor 6-6. Iż-żewġ timijiet baqgħu ma skorjawx lejn it-tmiem f’mumenti eċċitanti, biex il-partita marret għall-penalties.
Fl-għoti tal-penalties, Jan Culic skorja l-ewwel għat-tim Malti, Oleksandr Bakshenyev wieġeb għat-tim Ukren. Liam Galea skorja t-tieni penalty u Alieksieiev skorja għall-Ukrajna. Nikola Zammit skorja t-tielet penalty iżda Gusakov skorja wkoll għat-tim Ukren. Jacob Sciberras falla t-tim Malti biex Bazhynov poġġa lill-avversarji fil-vantaġġ. Ken Erdogan skorja għat-tim Malti, iżda Dzhura skorja l-gowl rebbieħ.
Ukrajna: N. Babskyi, O. Bakshenyev, M. Osyka, O. Ostapenko, Y. Ivakhno, Y. Shmihel, O. Dzhura (2), M. Bazhynov, D. Gusakov (2), K. Alieksieiev (1), I. Navolokov, I. Kechedzhy (1), V. Beziazchnyi
Malta: T. Micallef, K. Culic, K. Erdogan (1), J. Sciberras (1), B. Cachia, T. Said, M. Ortoleva, K. Tanti (1), M. Tabone, N. Zammit (3), L. Galea, J. Muscat, M. Xerri
Referees: Peter Radic (Slovakkja), Mihai Balanescu (Rumanija)
Riżultati mir-raba’ ġurnata
Ġermanja v Slovakkja 10-7
Ungerija v Georgia 21-7
Franza v Montenegro 7-15
Spanja v Turkija 10-8
Russja v Rumanija 9-8
Ukranja v Malta 11-10
Logħob li jmiss
Għada
Georgia v Turkija 9.00am
Franza v Rumanija 10.30am
Ungerija v Greċja 12.00pm
Montenegro v Italja 4.00pm
Spanja v Serbja 5.30pm
Russja v Kroazja 7.00pm
//= $special ?>

