Formula 1 Sport

McLaren b’magni Renault mis-sena d-dieħla

McLaren kellhom tliet staġuni diżappuntanti bil-magni Honda

McLaren mistennija li jibdlu l-magna tagħhom minn Honda għal Renault mill-istaġun li ġej, skont sorsi fl-Ingilterra. Din l-aħbar mistennija li tkun uffiċjali fi tmiem il-ġimgħa fil-Grand Prix ta’ Singapore.

It-tim kellu tliet staġuni diżappuntanti bil-magni Honda fejn lanqas irnexxielhom jispiċċaw darba fuq il-podju. Iżda din il-mossa, jidher li se tfisser li d-darbtejn champion tad-dinja Fernando Alonso mistenni jibqa’ mal-McLaren is-sena d-dieħla.

Honda mistennija jibqgħu fil-Formula 1 hekk kif mistennija jagħtu l-magni lil Toro Rosso, b’Carlos Sainz mistenni jingħaqad b’seld mar-Renault bħala parti mill-ftehim tal-kumpanija Franċiża biex jagħtu l-magni lil McLaren minflok lil Toro Rosso s-sena d-dieħla.

Iżda skont sorsi fl-Ingilterra, mhux mistenni li Sainz jieħu post Jolyon Palmer li jinsab taħt pressjoni wara li għadu ma kisibx punt din is-sena. Palmer mistenni li jonora l-kuntratt ma’ Renault sa tmiem l-istaġun.