Il-Membru Parlamentari Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola kienet eletta biex tifforma parti minn grupp ta’ 30 MEP li se jiffurmaw il-Kumitat tal-Parlament Ewropew dwar miżuri kontra t-terroriżmu.
Il-Kumitat ingħata mandat ta’ sena biex jindirizza diffikultajiet prattiċi u leġislattivi li għandha quddiemha l-Unjoni Ewropea biex tiġġieled it-terroriżmu fost il-pajjiżi membri. Matul dan il-perjodu, il-Kumitat se jkun mitlub jippreżenta rapport f’nofs u fl-aħħar tat-terminu bir-rakkomandazzjonijiet.
Fl-ewwel reazzjoni tagħha wara li kienet eletta, l-MEP Roberta Metsola qalet li l-Unjoni Ewropea jeħtieġ li taġixxi aktar malajr u b’aktar saħħa biex tipprevjeni u twieġeb għall-atti ta’ terroriżmu li qed iseħħu. Hi spjegat li l-proċess ta’ ‘Intelligence’ se jibqa’ fil-kompetenza tal-pajjiżi membri.
Kien għalhekk li l-Kumitat intalab iħares lejn miżuri li jitrattaw il-konfini tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li jippreżenta rakkomandazzjonijiet biex ikunu identifikati nuqqasijiet li hemm bżonn ikunu indirizzati, sostniet Metsola.
Dan il-Kumitat se jkun qed iżur u jiltaqa’ ma’ istituzzjonijiet differenti tal-Unjoni Ewropea, aġenziji relatati mal-ġlieda kontra t-terroriżmu, kif ukoll Gvernijiet u Parlamenti nazzjonali ta’ pajjiżi membri u dawk li m’humiex, fost l-oħrajn.
Roberta Metsola qalet li bħala MEP Maltija f’dan il-Kumitat, se tkun qed issegwi n-negozjati u d-diskussjonijiet biex l-informazzjoni miġbura tkun maqsuma bejn l-awtoritajiet, filwaqt li tara xi rwol għandha l-Unjoni Ewropea biex is-sistemi jkunu pass ‘il quddiem minn dawk li jridu jattakkaw il-valuri u l-ħajja tal-Ewropa.
Dan il-Kumitat hu sinjal ċar u b’saħħtu li s-sigurtà se tibqa’ fuq nett tal-aġenda Ewropea, temmet tgħid l-MEP eletta f’isem il-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>