Il-plejer versatili Edward Aquilina se jkun qed jibda esperjenza oħra fil-karriera tiegħu fil-Waterpolo hekk kif irritorna ma’ Sirens. Aquilina diġà kien ma’ Sirens fil-passat wara li kien lagħab fl-2014 u fl-2015. Aquilina li għadu fiċ-ċirku tat-tim nazzjonali, se jkun qed jagħti aktar esperjenza lit-tim minn San Pawl il-Baħar li diġà għandu plejers bħal ta’ esperjenza David Cutajar, Clint Mercieca u John Bronwrigg.
Fil-passat, Aquilina lagħab ma’ San Ġiljan, Neptunes, Sirens u Sliema. Fl-aħħar seba’ staġuni, Edward Aquilina skorja 114-il gowl, bl-aħjar staġun riċenti jkun proprju ma’ Sirens fl-2015 meta skorja 28 gowl fl-istaġun. Għalhekk Aquilina jista’ jagħti l-kontribut tiegħu fil-fażi offensiva, xi ħaġa li f’xi logħbiet f’dan il-kampjonat sabuha diffiċli, fejn straħu wisq fuq it-Taljan Christian Presciutti.
F’kummenti li ta lil dan is-sit, Aquilina qal li jinsab kuntent li reġa’ ngħaqad ma’ Sirens fejn qal li se jkun qed jgħin lit-tim biex imorru pass aħjar mit-tielet post li nkiseb minn Sirens dan l-istaġun. Aquilina ffirma kuntratt ta’ sentejn u se jkun il-kowċ ukoll ta’ Sirens ta’ taħt l-20 sena.
//= $special ?>

