Storja b’kontribuzzjoni ta’ Matthew Mamo
“Parti mill-ġustizzja twettqet”, qal Maksimilijan Kazakov, wieħed minn 26 vittma ta’ frodista li llum intbagħtet tmien snin ħabs.
Barra l-Qorti, NET News iltaqa’ ma’ Maksimilijan Kazakov, wieħed mill-vittmi barranin, u l-persuna li beda kampanja biex din il-mara titressaq il-Qorti. Maksimilijan qed jgħix f’Malta, u jħallas it-taxxi. Hu fisser kif l-awtoritajiet kienu ilhom ħafna jafu b’dan il-każ.
“Parti mill-ġustizzja twettqet għax issa qegħda l-ħabs”, qalilna Maksimilijan waqt li qasam magħna l-intenzjoni li flimkien ma’ oħrajn, jiftaħ każ ċivili fil-Qorti biex jirkupra l-flus misruqa minnu. “Imma bħala persuna li ngħix Malta u nħallas it-taxxi nistaqsi x’kienu qed jagħmlu l-awtoritajiet għal dawn l-aħħar tlieta, erbgħa ġimgħat meta l-Pulizija diġa kellhom evidenza dwar dak li kien qed jiġri,” żied jistaqsi.
Maksimilijan qal li s-suspetti bdew iqumu meta l-mara bdiet tgħidilhom li ma kienx possibbli li jidħlu fl-appartament. “Ħallasna l-flus u wara tlett ijiem qaltilna li ma kienx possibbli nidħlu fl-appartament, u allura qbadt u mort għand il-Pulizija u rrapurtajtha”, qalilna Maksimilijan.
Hu żied li wara l-inċident, beda kampanja fuq Facebook fejn ippubblika r-ritratti tal-frodista u minnufih beda jirċievi ħafna messaġġi ta’ persuni oħra li ngidmu bħalu.
Fil-Qorti ħareġ kif il-mara kienet qed tikri appartamenti li mhux tagħha lil numru kbir ta’ barranin, u biex għamlet dan saħansitra kienet tuża kuntratti u ktieb tal-irċevuti.
Waħda mill-konversazzjonijiet bejn il-frodista u vittma tagħha
Nota editorjali: Il-konversazzjoni ppubblikata hawnekk hija ma’ vittma differenti minn dak li jidher jitkellem fil-filmat.
//= $special ?>