Fl-ewwel diskors tiegħu fis-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew, il-Membru Parlamentari Ewropew il-ġdid Francis Zammit Dimech, elenka d-diffikultajiet li jiffaċċjaw l-istudenti u ż-żgħażagħ li jieħdu sehem fil-programm Erasmus+.
Francis Zammit Dimech irrikonoxxa li l-programm Erasmus+ kien storja ta’ suċċess, iżda issa wasal iż-żmien li jiġu ndirizzati d-diffikultajiet li qed jiġu ffaċċjati f’dawn l-istituzzjonijiet edukattivi li qed joffru l-opportunità ta’ Erasmus+.
L-MEP Zammit Dimech qal li l-burokrazija tal-istituzzjonijiet edukattivi, qed jwasslu għal-dewmien fl-ipporċessar tal-applikazzjonijiet u anke fin-nuqqas ta’ rikonoxximent tal-istudji li jkunu lestew l-istudenti waqt l-esperjenza tagħhom.
Zammit Dimech qal li wħud minn dawn il-problemi ta’ burokrazija ilhom jinħassu għal 30 sena, kemm ilu li daħal fis-seħħ il-programm Erasmus+. Qal li wara dawn is-snin kollha għad hemm nuqqas ta’ għarfien dwar kif wieħed jista’ jaċċessa tali fondi. Hu qal li filwaqt li dan l-anniversarju għandu jservi biex nirriflettu fuq id-diffikultajiet li qed joħolqu problema ta’ aċċessabilità li qed taffettwa l-istudenti.
Zammit Dimech qal li fil-ġimgħat li għaddew kien f’kuntatt ma’ numru ta’ studenti u żgħażagħ u esprimew d-diffikultajiet li qed jiffaċċjaw biex japplikaw u jipparteċipaw f’dan il-programm. Dan hekk kif il-programm Erasmus+, fi kliemu stess, huwa għodda importanti biex tissaħħaħ l-identità Ewropeja, jinkoraġġixxi xogħol volontarju, nimmodernizzaw l-edukazzjoni u noffru opportunità lill-istudenti u ż-żgħażagħ jakkwistaw il-ħiliet neċessarji għal meta jidħlu fid-dinja tax-xogħol.
Illum il-Parlament Ewropew approva riżoluzzjoni dwar il-futur tal-programm Erasmus+. Ir-riżoluzzjoni ġiet ippreżentata mill-kumitat tal-Kultura u l-edukazzjoni, li tiegħu Francis Zammit Dimech huwa membru.
Nhar it-Tnejn li għadda l-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani preżenta lil Francis Zammit Dimech bħala membru Parlamentari ġdid Malti. Fl-aħħar jiem Zammit Dimech kellu diversi laqgħat u diskussjonijiet u mistenni jingħata l-inkarigu ta’ xi rapporti li qed jsiru mill-kumitati li hu membru fihom.
//= $special ?>